Klabb tal-isport Malti jikseb fondi minn Erasmus + Sport għal sħubija kollaborattiva żgħira ma’ klabbs barranin
Il-MEUSAC assista organizzazzjoni tal-isport lokali biex tippreżenta b’suċċess applikazzjoni ħalli tikseb fondi Ewropej għal proġett żgħir ta’ sħubija kollaborattiva, taħt Erasmus+ Sport, bl-isem ta’: Team Up for Sport (TU4S).
In-Nursery taż-Żgħażagħ tal-Imġarr, b’kollaborazzjoni mal-imsieħba assoċjati internazzjonali Nogometni Klub MB Tabor u KS Legionovia, ingħata kważi €60,000 għal proġett transnazzjonali li jinvolvi lil Malta, is-Slovenja u l-Polonja.
Il-proġett TU4S ifittex li jassigura l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport u permezz tal-isport, speċifikament fil-futboll, b’diskussjoni dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fil-futboll; in-nuqqas ta’ nisa fil-volontarjat/karrieri relatati mal-isport; u diskussjoni dwar id-diskriminazzjoni, is-sessiżmu u l-isterjotipi indirizzati lejn atleti femminili, coaches u membri oħrajn tal-istaff, li għadhom preżenti fil-futboll; l-involviment ta’ atleti żgħażagħ femminili, coaches, ġenituri u persuni rilevanti oħrajn.
Hemm tliet attivitajiet pjanati f’kull pajjiż parteċipattiv u huma mistennija jsiru fuq medda ta’ tlett ijiem. L-attivitajiet jinkludu workshops, konferenzi u sports day. Il-proġett se jibda fl-1 ta’ Jannar is-sena d-dieħla.
Għal aktar informazzjoni dwar kif tapplika għal proġetti simili, ikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300 sabiex tagħmel appuntament mat-tim tal-fondi.