Bħala ġenituri, aħna lkoll irridu l-aħjar għal uliedna, u nistinkaw sabiex nagħtuhom dak kollu li ġenitur jista’/tista’ jagħtihom/tagħtihom. Ilkoll kemm aħna nixtiequ li nkomplu ngħinu lil uliedna waqt li jkunu qed jikbru. Madanakollu, bħala ġenitur, l-aħjar ħaġa li tista’ tagħmel għal uliedek hija li tgħaddilhom l-għarfien meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw il-flus b’mod responsabbli. It-tagħlim tar-responsabbiltà finanzjarja mid-dar huwa definittivament wieħed mill-aħjar modi sabiex jinkiseb dan il-għan. Hawn taħt hawn xi suġġerimenti mportanti ta’ ĠEMMA.

Is-Snin Bikrin: Minn 3 sa’ 4 Snin

Permezz tal-logħob

  • It-tfal iħobbu jilgħabu tal-ħanut. Agħmel l-esperjenza kemm jista’ jkun reali għat-tifel/tifla tiegħek, billi żżid tikketti tal-prezz m’oġġetti, ħalli b’hekk tkun tista’ turihom li l-affarijiet jiswew il-flus.
  • Uri lit-tifel/tifla tiegħek id-differenza bejn muniti eżistenti. Spjega, per eżempju, li żewġ muniti ta’ €0.50 = munita waħda ta’ €1.00, eċċ.
  • Uża muniti ta’ vera sabiex tgħin lit-tifel/tifla tiegħek jitgħallem/titgħallem li l-flus m’humiex qegħdin hemm biss għal-logħob. Ħallihom jaqbdu l-muniti f’idejhom u b’hekk ikunu jistgħu jidraw il-flus.

Fil-ħanut jew ċentru kummerċjali

  • Ara li t-tifel/tifla tiegħek jgħinek/tgħinek waqt li tkun qed tippjana dak li għandkom bżonn tixtru, bħal per eżempju, dak li inti jkollok bżonn sabiex tipprepara l-ikla favorita tiegħu/tagħha.
  • Agħmlu l-lista tax-xiri flimkien. Dan jgħinek sabiex tkunu tistgħu tiddiskutu flimkien it-tfaddil tal-flus.
  • Aqsam il-lista f’affarijiet li tkun teħtieġ, flimkien m’affarijiet li tkun tixtieq, bħal xi treats (ġelat, per eżempju).
  • Staqsi lit-tifel/tifla tiegħek sabiex jgħinek/tgħinek tħallas. Jekk tkun se tħallas bi flus kontanti, ħalli lilhom jagħtu l-flus lil kaxxier/a.

Primarja Żgħar : Minn 5 sa 7 Snin

Permezz tat-tfaddil

  • Ta’ din l-età, it-tifel/tifla tiegħek jibda’/tibda’ jifhem/tifhem l-idea li hemm bżonn li ġġemma għall-affarijiet. Għinu/ha jimmira/timmira lejn l-ippjanar ta’ objettiv żgħir, u ġemmgħu flimkien permezz ta’ vażett jew karus.
  • Tkellem dwar mezzi ta’ kif tiffranka l-flus, bħal li titfi d-dwal jew tixtri anqas affarijiet. Staqsi lit-tifel/tifla tiegħek sabiex jgħinek/tgħinek toħroġ b’ideat ta’ kif tfaddal.

Fil-ħwienet

  • Spjega lit-tifel/tifla tiegħek li kemm prodott tad-ditta, u kemm prodott simili li mhuwiex tad-ditta, għandhom ċans kbir li fil-verità jkollhom l-istess karatteristiċi, fejn dan tal-aħħar ikun ukoll ta’ kwalità tajba – smartphones u apparat elettroniku ieħor huma eżempju tajjeb li jista’ jintuża għal dan l-iskop.
  • Introduċi lit-tifel/tifla tiegħek għall-kunċett tal-valur tal-flus. Filwaqt li tkun qed tagħmel hekk, ipprova iftaħ diskussjoni rigward deċiżjonijiet fuq xiri, kif ukoll ħiliet għall-immaniġġjar tal-flus, mat-tifel/tifla tiegħek stess.

Televixin u reklamar

  • Tkellem mat-tifel/tifla tiegħek fuq l-influwenza tar-reklamar, u li dak li qed jintwera f’reklam jista’ jkun li mhux neċessarjament qed jirrifletti l-istorja kollha kemm hi.
  • Fittex eżempji ta’ kif dawk li jirreklamaw jippruvaw jibnu lealtà lejn id-ditta fit-tfal. Tkellem dwar cross-marketing – kif il-ħruġ ta’ film ġdid tat-tfal ġeneralment ikun ppreċedut minn kampanja enormi tal-marketing li tinvolvi ġugarelli marbuta miegħu, fast food, eċċ. Għin lit-tfal tiegħek jinnotaw u jistaqsu dwar messaġġi ta’ marketing, sabiex hu/hi jkun/tkun jista’/tista’ jirrispondi/tirrispondi lura b’mod aħjar għar-reklamar, pjuttost milli sempliċiment jirreaġixxu għalih.

Primarja Kbar: Minn 8 sa’ 11-il Sena

  • Mod tajjeb kif tgħin lit-tfal tiegħek jitgħallmu kif jimmaniġġjaw il-flus waħedhom huwa billi tagħtihom pocket money, flimkien ma ’għotja monetarja talli jkunu taw sehemhom fil-qadi tad-dar fil-familja.
  • Iftaħ kont tat-tfaddil għat-tifel/tifla tiegħek. Oqgħod bilqiegħda ħdejhom sabiex flimkien tkunu tistgħu tiffissaw miri finanzjarji li t-tfal għandhom iġemmgħu għalihom – permezz ta’ pocket money, qadjiet tad-dar apparti, flimkien ma’ rigali monetarji f’għeluq sninhom u okkażjonijiet speċjali oħrajn bħall-Milied. Kull tant żmien ħu lit-tfal tiegħek sabiex jiddepożitaw il-flus fil-kont bankarju tagħhom. Għinhom iżommu kont ta’ kemm qed jikber (jew jiċkien) it-tfaddil tagħhom.
  • Ħalli lit-tfal tiegħek jonfqu l-flus tagħhom skond kif jagħżlu huma, għalkemm dejjem skond il-linji gwida li inti tkun speċifikajt. Jekk it-tifel/tifla tiegħek irid/trid jonfoq/tonfoq l-allowance kollha tiegħu/tagħha fuq ġugarell għoli li hu/hi jaħseb/taħseb li għandu/għandha jkollu/jkollha ta’ bilfors (minflok diversi oġġetti iżgħar), ħallihom jagħmlu dan. It-tfal għandhom jitħallew iwettqu ċertu żbalji sabiex ikunu jistgħu jitgħallmu minnhom stess.
  • It-tifel/tifla tiegħek jista’/tista’ jitlob/titlob self jew żieda fl-allowance tiegħu/tagħha, fejn inti jista’ jkollok it-tentazzjoni li ċċedilu/ċċedilha. Jekk tagħmel dan, iżda, it-tifel/tifel tiegħek qatt m’hu/hi se jitgħallem/titgħallem kif taħdem tassew id-dinja reali – jew kif jista’/tista’ jgħix/tgħix bil-mezzi tiegħu/tagħha – jekk tibqa’ tagħtihom dak kollu li jkunu jridu u ċċedilhom għal kull ħaġa li jitolbuk.

Żur il-paġna ta’ ĠEMMA fuq Facebook u agħmlilna LIKE!