Matul il-laqgħa ta’ Diċembru, il-ministri tal-UE għall-impjiegi laħqu ftehim ġenerali dwar abbozz ta’ liġi tal-UE dwar pagi minimi adegwati u dwar proposta ta’ direttiva dwar it-trasparenza tal-pagi.

L-abbozz ta’ liġi dwar il-pagi minimi jistabbilixxi qafas biex jippromwovi livelli adegwati ta’ pagi minimi statutorji, biex jippromwovi n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u biex jitjieb l-aċċess effettiv għall-protezzjoni tal-paga minima ta’ dawk il-ħaddiema li huma intitolati għal paga minima. Il-liġi se tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien adegwati għall-ħaddiema madwar l-UE.

L-abbozz ta’ liġi dwar it-trasparenza fil-pagi se jgħin biex tingħalaq id-differenza fil-pagi bejn is-sessi billi jagħti s-setgħa lill-ħaddiema irġiel u nisa biex jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali permezz ta’ sett ta’ miżuri. Il-miżuri jinkludu trasparenza dwar: il-livell jew il-firxa tal-pagi inizjali li għandu jitħallas lill-ħaddiem futur; kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru użati biex jiddefinixxu l-paga u l-progress tal-karriera tagħhom; informazzjoni dwar il-livell tal-pagi individwali u l-livelli tal-pagi medji għall-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali.

In-negozjati bejn il-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew issa se jsegwu biex jintlaħaq qbil u l-adozzjoni finali tal-abbozz tal-liġijiet.