Kemm hu sabiħ il-qari!
Qatt ħsibtu kemm il-qari huwa importanti? Huwa tafux u għal ħafna raġunijiet. Il-qari huwa fundamentali biex wieħed jiffunzjona fis-soċjeta’ tal-lum.
Mhux b’esaġerazzjoni imma ssib ħafna adulti, u saħansitra anki xi żgħażagħ illum, li lanqas jafu jaqraw biżżejjed biex jifhmu l-istruzzjonijiet fuq fliexkun tal-mediċina.
Il-qari huwa ħila importanti, partikularment għal min bi ħsiebu jidħol fis-suq tax-xogħol, sabiex isib impjieg tajjeb. Ħafna mpjiegi li jħallsu salarji tajbin jeħtieġu l-qari bħala parti mill-prestazzjoni tax-xogħol tagħhom. Hemm rapporti li jridu jinqraw u li jridu jiġu mwieġba. Ħiliet foqra fil-qari jżidu l-ammont taż-żmien biex wieħed jassorbi u jirreaġixxi fil-post tax-xogħol. Fl-opinjoni tiegħi, persuna tkun limitata f’dak li tista’ tikseb mingħajr ħiliet tajbin fil-qari.
Barra minn hekk il-qari huwa importanti għax jiżviluppa l-moħħ. Meta tifhem il-kelma miktuba huwa mod wieħed kif il-mod jikber fil-kapaċita’ tiegħu. Li ngħallmu lit-tfal jaqraw jgħinhom biex jiżviluppaw il-ħiliet fil-lingwa. Jgħinhom ukoll biex jisimgħu b’attenzjoni. Kulħadd irid jitkellem, imma ftit jistgħu verament jisimgħu. In-nuqqas ta’ ħila biex tisma’ b’attenzjoni jista’ jirriżulta għal nuqqas ta’ ftehim li jista’ jwassal għat-telf tal-impjieg u problemi oħrajn, żgħar jew kbar. Il-qari jgħin lit-tfal u lill-adulti sabiex jiffokaw fuq min qed jikkomunika.
Imma għaliex il-qari huwa importanti? Il-kotba, ir-rivisti u anki l-internet huma għodda kbar tat-tagħlim li jeħtieġu l-abbilta’ li naqraw u nifhmu dak li jinqara. Persuna li taf taqra tista’ teduka lilha nnifisha f’kull qasam tal-ħajja li hija interessata fiha. Ilkoll ngħixu fi żmien fejn ninsabu bbumbardjati bl-informazzjoni, imma l-qari huwa l-aħjar mod biex nieħdu vantaġġ minnu.
Il-qari jiżviluppa l-immaġinazzjoni u jsaħħaħ il-kreattivita’ tan-nies. Il-qari hu wisq sabiħ għax jespandi l-vokabularju u meta naqraw kliem ġodda naħżnuh f’moħħna għal aktar tard. Meta naqraw lit-tfal, nagħmlu tajjeb li kultant nieqfu u nistaqsuhom x’jaħsbu li se jiġri. Inġiegħluhom jaħsbu dwar l-istorja.
Il-qari huwa fundamentali fl-iżvilupp tad-dehra tajba tal-persuna. Min ma jaqrax, u f’Malta hawn ħafna kemm żgħar u kbar, spiss imaqdar lilu nnifsu u l-abbiltajiet tiegħu. Imorru ħażin fis-suġġetti l-oħrajn għax ma jifhmux il-materjal.
Bl-Ingliż ngħidu li the pen is mightier than the sword. Ideat miktubin biddlu d-destin ta’ popli u nazzjonijiet għall-aħjar jew għall-agħar. L-influss tal-ideat ma jistax jitwaqqaf. Irridu naqraw u nirriċerkaw sabiex nibnu fuq ideat ġodda filwaqt li nesponu l-ideat il-ħżiena qabel ma jġibu l-qerda. Huwa biss bil-qari li nistgħu nkunu armati f’din l-isfida tal-ħajja li ma tiqafx.
Il-qawwa ta’ ideat miktubin u kkomunikati permezz tal-qari hija raġuni prinċipali għaliex xi gvernijiet jopponu komunikazzjoni ħielsa u onesta. Nies illitterati huma faċli biex ikunu kkontrollati jew manipulati. Ma jistgħux jagħmlu r-riċerka tagħhom jew jaħsbu. Iridu jiddependu fuq dak li jintqalilhom u jimxu bl-emozzjoni.
Fuq kollox il-qari huwa importanti għaliex il-kliem – mitkellma jew miktuba – huma l-pilastri tal-ħajja. Dak li inti ssir fil-futur jiddependi mill-kliem li inti temmen dwarek illum. Jekk toqgħod taħseb ftit – in-nies, il-familji, ir-relazzjonijiet u anki n-nazzjonijiet huma mibnija mill-kliem.