Kemm aħna ġusti biex ninqatgħu mit-teknoloġija?
L-era diġitali ġabet magħha bidliet drastiċi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Illum qed insibu ruħna mqabbdin mat-teknoloġija kull ħin. Il-benefiċċji huma ċari għal kulħadd, imma qatt waqafna biex nikkunsidraw dawk li jistgħu jkunu riżultati negattivi minn tali żviluppi fit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni?
Bil-WI-FI u bil-4G li huma disponibbli prattikament f’kull dar, illum il-ġurnata qed tkun iżjed diffiċli insibu ħin biex ninqatgħu mit-teknoloġija. Perċentwal konsiderevoli ta’ impjegati fid-dinja tal-lum għandhom aċċess għal komunikazzjonijiet relatati max-xogħol ‘il barra mill-ambjent tax-xogħol u ħinijiet tax-xogħol, u għandhom il-faċilità li jieħdu sehem f’attivitajiet relatati max-xogħol ‘il barra mill-post tax-xogħol.
Issa, filwaqt li fil-prinċipju dan jista’ jiġi meqjus bħala benefiċċju u f’ċertu ċirkostanzi l-użu ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni li huma disponibbli ‘l barra mill-ambjent tax-xogħol jista’ jkun importanti, li ma tinqatax mit-teknoloġija matul is-sigħat mhux tax-xogħol jista’ jkun ħażin għal saħħet il-ħaddiema.
S’issa m’hemmx qafas legali Ewropew li jiddefinixxi b’mod ċar x’inhi d-Dritt li Ninqatgħu mit-Teknoloġija u għalhekk dan iħalli biżżejjed spazju għal interpretazzjoni fil-mod kif hu regolat il-waqfien mix-xogħol. Il-Working Time Directive, madankollu, tagħmel b’xi mod jew ieħor, referenza għal tali drittijiet indirettament u tabilħaqq issemmi l-perijodi minimi ta’ waqfien mix-xogħol kuljum jew kull ġimgħa u li huma meħtieġa sabiex saħħet il-ħaddiema tkun salvagwardjata.
Dan kollu jista’ jinbidel. Alex Agius Saliba, l-Ewro Parlamentari Laburista, dan l-aħħar ippreżenta emenda li ssejjaħ għad-‘Dritt biex Niddiskonnettjaw Diġitalment’ għall-ħaddiema, rakkomandazzjoni li sabet appoġġ sħiħ mill-kollegi tiegħu fil-Parlament Ewropew. Alex Saliba ikkummenta li t-test, filwaqt li huwa l-ewwel pass, issa huwa offiċjalment rakkomandazzjoni lill-Parlament Ewropew.