Kabinett daqs il-Kummissjoni Ewropea: Għandna bżonnu?
It-tibdil li sar dan l-aħħar fil-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela qajjem mistoqsijiet dwar ir-raġuni wara d-deċiżjoni li jitkabbar l-eżekuttiv li diġà kien ta’ daqs sostanzjali. Il-kabinett Malti, issa magħmul minn 27 membru, inkluż il-Prim Ministru nnifsu, jirrifletti d-daqs tal-Kummissjoni Ewropea. Filwaqt li tal-ewwel huwa responsabbli għat-tmexxija ta’ Stat b’popolazzjoni ta’ nofs miljun, tal-aħħar jissorvelja unjoni ta’ 450 miljun. Kabinett daqshekk kbir iqajjem tħassib dwar l-effiċjenza, u jekk hux verament se jtejjeb il-livell ta’ tmexxija.
Waħda mill-preokkupazzjonijiet primarji hija l-piż finanzjarju li qed ikollu jġorr il-poplu. Ma’ kull membru ġdid tal-kabinett, jiżdiedu spejjeż għas-salarji, perkaċċi, u dawk l- amministrattivi. F’dan il-kuntest tqum il-mistoqsija: tassew qed niksbu governanza aħjar billi nżidu d-daqs tal-kabinett jew din il-mossa hija maħsuba wkoll biex tindirizza ċertu nuqqas ta’ popolarità mal-elettorat minħabba li l-elezzjonijiet Ewropej jinsabu ftit xhur bogħod? Hekk kif il-gvern jonfoq aktar biex iżomm tim akbar, hu kruċjali li jiġi evalwat jekk ir-riżultat jiġġustifikax din l-ispiża żejda.
Barra minn hekk, il-bidliet kontinwi fin-nomenklatura tal-ministeri jidhru aktar bħala xi ħaġa kożmetikamilli ta’ sustanza. Dan in-nuqqas ta’ stabbiltà fl-istruttura tal-ministeri joħloq sfidi amministrattivi u burokrazija bla bżonn. Wasal iż-żmien li l-gvern jikkunsidra li jilħaq ftehim dwar ministeri ewlenin u t-titli tagħhom biex iġibu uniformità u koerenza. Il-kompożizzjoni ta’ ċerti portafolli, bħal ma kienu s-saħħa u l-enerġija fil-, u issa Għawdex u l-ippjanar, iqajmu mistoqsijiet dwar il-viżjoni strateġika wara dawn id-deċiżjonijiet.
Kwalunkwe gvern ta’ reputazzjoni tajba għandu jkun mudell ta’ stabbiltà u konsistenza, u bidliet frekwenti fil-ministeri jfixklu l-progress. Ċaqliq kostanti fin-nomenklatura u l- tal-portafolli iwasslu messaġġ li hemm nuqqas ta’ pjan koerenti fit-tul. Kull organizzazzjoni, inkluż il-gvern, li tgħaddi minn bidliet kontinwi tagħmel l-aħjar tagħha biex timxi ’l quddiem b’mod effettiv. Ir-reshuffle reċenti għal darb’oħra enfasizzat l-ħtieġa għal mod aktar strutturat fil-governanza.
Filwaqt li hi l-prerogattiva tal-Prim Ministru li jifforma l-kabinett, għandu jkun hemm kunsiderazzjonijiet bażiċi biex tiġi żgurata governanza tajba. L-enfasi għandha tkun fuq il-ħolqien ta’ struttura governattiva soda u stabbli li trawwem l-effiċjenza u t-trasparenza.
Ir-reshuffle reċenti bilfors tqajjem ċertu mistoqsijiet dwar il-prinċipji ta’ governanza tajba. Il-Gvern għandu jikkunsidra l-implikazzjonijiet finanzjarji, l-isfidi amministrattivi, u l-ħtieġa ta’ stabbiltà biex imexxi lill-pajjiż ’il quddiem b’mod effettiv. Pjan aktar maħsub u strateġiku għall-kompożizzjoni tal-kabinett u huwa essenzjali għall-prosperità u l-progress tal-pajjiż.