Jum il-Ħaddiem – L-isfidi quddiemna
Wara waqfa ta’ sentejn Jum il-Ħaddiem qed jiġi mmarkat permezz ta’ avvenimenti tal-massa li jvarjaw minn dimostrazzjonijiet, rallies u fil-każ tal-UHM Voice of the Workers konferenza. Sfortunatament, il-Covid-19 fisser li din iċ-ċelebrazzjoni jew kellha tiġi kkanċellata jew inkella relegata għal xi forma ta’ avveniment virtwali. Jum il-Ħaddiem għandha tiġi ċċelebrata kollettivament. Wara kollox, dan huwa l-ħsieb wara t-trejdjunjins – li jingħaqdu biex iħarsu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u jressqu bidliet pożittivi. Għalhekk, il-fatt li erġajna lura għal xi tip ta’ normalità hi xi ħaġa pożittiva u li nieħdu dan kollu qisu xejn mhu xejn ikun żball.
Tabilħaqq, l-akbar theddida għat-trejdjunjins tinħoloq meta dawn jinqalgħu fihom infushom. Bħal kull organizzazzjoni moderna oħra, jeħtieġ li dawn jevolvu mingħajr ma jitilfu l-iskop ewlieni għaliex twaqqfu. Sfortunatament, il-pandemija tat daqqa serja lil dan l-aspett, peress li l-opportunitajiet għal kuntatt wiċċ imb wiċċ mal-ħaddiema u żjarat fuq il-post kienu ristretti ħafna. Għalhekk, it-trejdunjonisti jeħtieġ li jżidu l-isforzi biex jagħmlu tajjeb għal dak li ntilef f’dawn is-sentejn.
Li tkun viċin l-għeruq jibgħat messaġġ qawwi fil-ġlieda kontra l-prekarjat, l-isfruttament u saħħa u sigurtà aħjar fuq il-post tax-xogħol. L-industrija tal-kostruzzjoni tibqa’ sors ta’ tħassib kbir fid-dawl tan-numru kbir ta’ mwiet u korrimenti serji fuq ix-xogħol, l-aktar minħabba waqgħat mill-għoli. Settur ieħor li m’għandux repurazzjoni daqstant tajbaż huwa l-gig economy. Minkejja wegħdiet ripetuti mill-gvern li kien qed jirregola dan is-settur, l-evidenza tindika li l-couriers tal-ikel ikunu kontinwament f’tellieqa kontra l-ħin fit-toroq Maltin biex jippruvaw jaqdu kemm jista’ jkun klijenti fi sforzi biex itellgħu paga diċenti. Barra minn hekk qed jesponi lilhom u lis-sewwieq l-oħra għal periklu serju.
Sadanittant, kwistjonijiet oħra li kienu hemm qabel il-pandemija għadhom ma ġewx indirizzati. Dawn jinkludu d-dipendenza żejda fuq l-outsourcing minn entitajiet tal-Istat, li qed twassal għal sitwazzjonijiet fejn ħaddiema jagħmlu l-istess imma jitħallsu differenti minn xulxin. Sal-lum, il-gvern għadu jinsisti fuq dan il-mudell minflok jipprova jkun ta’ eżempju. F’Ottubru li għadda l-Gvern wiegħed – għat-tieni darba mill-2016 – li kien se jkun jimplimenta l-proposta tal-UHM għat-twaqqif ta’ portal online li jkun fih kuntratti tax-xogħol u templates apposta fi sforz biex jonqsu ċertu abbużi fuq il-post tax-xogħol. Sfortunatament, sal-lum għadu ma sar xejn.
Kwistjoni oħra li trid tiġi indirizzata hija dik dwar is-sħubija fi trejdjunjins. Il-kwistjoni hija ta’ tħassib kbir peress li l-ħaddiema l-aktar suxxettibbli għall-isfruttament – dawk bi dħul baxx – x’aktarx li jsibu l-akbar ostakli biex jissieħbu fi trejdjunjins. Sa ftit ilu ż-żewġ partiti politiċi ewlenin kienu miftuħa għall-idea li sħubija obbligatorja tista’ tkun mezz biex jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema. Fuq livell politiku din il-proposta tidher li mietet fuq ommha wara l-oġġezzjonijiet ħarxa li tqajmu minn min iħaddem fl-aħħar kampanja elettorali. Filwaqt li l-UHM qatt ma sostniet li għandu jkun hemm sħubija obbligatorja għal kulħadd iżda għal dawk biss bi dħul baxx, irridu nkunu x’alternattivi qed jiġu proposti biex jiġi miġġieled l-abbuż. Ħafna drabi, diskors sabiħ u l-wegħdi itiru mar-riħ. Nittamaw li ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem ta’ din is-sena ma jibqgħux biss imfakkra għall-fatt li reġgħu saru wara nuqqas ta’ sentejn imma għax taw bidu għal ċertu riformi u deċiżjonijiet li tant ilhom jissemmew u li tant hemm bżonnhom.