Jeħtieġ li nġibu ruħna aħjar fis-soċjeta’
Bl-eċċezzjoni ta’ xi ftit lezzjonijiet fl-iskola jew id-dar, it-tfal tal-lum mhux qed jingħataw attenzjoni biżżejjed dwar l-imġieba ċivika. Kemm jekk huma sfidi akkademiċi ibsin jew sforzi biex it-tfal imorru tajjeb fl-eżamijiet, xi għalliema u ġenituri mhux qed ikunu kapaċi jiddedikaw ħin biżżejjed biex jedukaw lit-tfal dwar l-importanza tas-sens ċiviku u kif dan jista’ jagħmel differenza lill-pajjiż kif ukoll jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ ħajjithom.
Is-sens ċiviku ma jfissirx li nżommu t-toroq u l-propjeta’ pubblika ndaf iżda wkoll li nobdu l-liġijiet, nirrispettaw l-opinjonijiet tal-oħrajn u nżommu d-dekor f’postijiet pubbliċi. L-individwaliżmu, il-vandaliżmu, l-intolleranza, ir-razziżmu, id-diskors ta’ mibegħda u r-rabja waqt is-sewqan huma lkoll eżempji ta’ nuqqas ta’ sens ċiviku. In-nies qed isiru inqas tolleranti għal ħaddieħor.
Meta wieħed jinjora jew ma jagħtix kas tal-liġi jkun qed jonqos mis-sens ċiviku. L-edukazzjoni trid tibda miċ-ċkunija. Għandna nirrealizzaw li t-tagħlim tas-sens ċiviku hu importanti daqs kemm tbeżża’ lil dak li jkun min-nar. Nafu li n-nar jagħmel ħsara diretta lill-persuna filwaqt li n-nuqqas ta’ għarfien tas-sens ċiviku jista’ jwassal għal effetti koroh fis-soċjeta’.
Xi persuni llum tant huma aljenati biex jilħqu l-miri personali tagħhom li s-sens ċiviku, bħala etika, sar l-inqas prijorita’ – kważi inkonvenjent għal dawk li jinjorawh. Din l-attitudni tista’ tagħmel ħsara lis-soċjeta’ għal żmien fit-tul. Din is-sitwazzjoni qatt ma kienet hekk; qatt ma konna ngħixu f’kultura ta’ ‘xejn mhu xejn’. Għaliex qed ikollna tmermer fis-sens ċiviku? Nazzarda ngħid li l-egoiżmu jista’ jkun raġuni plawżibbli. Uħud qed jiġu jaqgħu u jqumu mill-ħtiġiet tal-oħrajn.
Ilkoll naqblu li nixtiequ lil uliedna jagħmlu suċċess f’ħajjithom, iżda ħafna mhux qed jagħmlu sforz biex irabbuhom ikunu bnedmin tajbin. Jekk ma ngħallmux lil uliedna dwar kwistjonijiet soċjali, ma jkunux kapaċi jieħdu deċiżjoni xierqa meta jkunu konfrontati bi kwistjoni fis-soċjeta’.
It-trobbija tajba tal-ulied tista’ tkun pedament b’saħħtu minn fejn kull wieħed u waħda minna jista’ jibni kultura nazzjonali ta’ sens ċiviku u sensibbilta’; tista’ tagħmel liċ-ċittadini ta’ għada konxji tal-importanza tan-normi soċjali li m’għandhom biss ikunu segwiti imma jsiru parti mill-ħajja.
Bħalissa l-poplu jista’ jkun fil-periklu li jinqabad f’sistema falza ta’ valuri fejn wieħed jiġri wara dinja materjalista. Għal xi wħud, li jsiru sinjuri malajr u jiffangaw fil-ġid, hu l-qofol ta’ kollox. Il-filosfu Grieg Aristotli kien qal: “Min mhux kapaċi jgħix f’soċjeta’ jew li m’għandu l-ebda bżonn għax hu suffiċjenti għalih innifsu, jista’ jkun jew bestja jew inkella xi alla”.
Il-bidla pożittiva ta’ soċjeta’ b’mod sħiħ għalhekk hi prerekwiżit essenzjali għall-iżvilupp nazzjonali u dan jista’ biss jinkiseb permezz ta’ formazzjoni ta’ valuri xierqa. L-essenza fil-formazzjoni tal-valuri hi t-tiġdid fis-sens ta’ apprezzament għat-tajjeb u l-ħażin u li wieħed jagħżel it-tajjeb mill-ħażin.
B’sistema edukattiva pjanata tajjeb li tkopri strateġiji effettivi fit-taħriġ u bi sforzi kollettivi, inkunu kapaċi ndakkru l-valuri fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna sakemm issir naturali għalihom. Il-formazzjoni tal-valuri, bħala fattur determinanti tal-imġieba, hi fenomenu importanti li m’għandux jiġi injorat.