“Jeħtieġ li ninvestu ħafna iktar f’dik li hi l-edukazzjoni ċivika – li wieħed jitgħallem  jirrispetta lil ħaddieħor.” Hekk stqarr Dr.  Michael Briguglio, lettur tas-Soċjoloġija fl-Universita’ ta’ Malta, f’intervista li saret minn Voice of the Workers. 

Dr. Briguglio qal li fis-soċjeta’ Maltija, tradizzjonalment, kien hawn ċertu rispett bejn persuna u oħra. Iżda llum mexjin lejn soċjeta’ li aktar tivvaloratizza dak li hu istantantanju jew il-gratifikazzjoni ta’ dak il-mument,  u xi kultant aktar qed tippremja l-egoiżmu.  

Mistoqsi dwar jekk  l-inċident ikrah li fih kien involut il-Kuntistabbli  Simon Schembri hux rifless tas-soċjeta’ jew il-kultura li qed ngħixu bħalissa, Michael Briguglio stqarr li l-inċident gravi hu ta’ min jistmerru iżda ma jaħsibx li l-każ jirrifletti s-soċjeta’ Maltija. Madankollu hu ma  jistax ma jinnotax li fis-soċjeta’ Maltija mexjin lejn kultura fejn l-individwu jiġi qabel kollox.  

Dr. Briguglio jikkontendi li l-politiċi u kulmin isawwar il-politika f’Malta għandhom l-obbligu li ma  jitkellmux biss fuq dak li għandna nieħdu mis-soċjeta’ imma għandhom jitkellmu wkoll fuq kemm għandhom jagħtu lis-soċjeta’ – ir-rispett lejn  ħaddieħor.   

Fl-intervista, hu qal li hemm ħafna affarijiet li qed iwasslu biex ċertu sezzjonijiet mill-pubbliku Malti qed ‘jaqgħu u jqumu’ mill-imġieba ċivili. Hu stqarr  li jekk wieħed iħares  lejn  il-media aktar qed  naraw il-promozzjoni tal-egoiżmu f’diversi fora. Minkejja li l-media soċjali bħal Facebook hi għodda tajba u neċessarja biex nikkomunikaw, din tintuża biex nuru  nuqqas ta’ rispett lejn xulxin.  

Dr. Briguglio tkellem ukoll dwar “id-diskors  ta’ mibegħda” partikularment fil-media soċjali u   qal  li ċ-ċittadini għandhom jingħataw l-għodda biex jirregolaw lilhom infushom u jitgħallmu x’inhi mġieba pubblika fuq il-media soċjali. 

Ara l-intervista sħiħa fil-video:-