Jaiteh Lamin, x’kien jiġri li kieku?
“F’Malta, l-immigranti huma ttollerati biss sar-roundabout tal-Marsa fejn jitħallew jittallbu għax-xogħol … Hawn wisq razziżmu fil-pajjiż … filwaqt li għandna l-lussu li ninjoraw dan, fi żmien 10 snin il-problema se terġa’ tiġi ma’ wiċċna, kif inhu l-każ f’pajjiżi Ewropej oħra. Il-ġenerazzjonijiet futuri se jistaqsu il-għala ma tgħallimniex mill-iżbalji ta’ pajjiżi Ewropej.”
Ħames snin wara din il-kwotazzjoni profetika seħħet il-ġrajja kiefra ta’ Jaiteh Lamin – immigrant li jaħdem fil-kostruzzjoni li allegatament tħalla ferut gravi fil-ġenb tat-triq minn min iħaddmu wara li waqa’ minn għoli waqt li kien xogħol. Bilkemm wieħed jemmen li t-twissija msemmija qabel kien saret mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat fid-diskors ta’ Jum il-Ħelsien tal-2016.
Fl-2021 jidher li s-sitwazzjoni marret għall-agħar. L-immigranti għadhom jittalbu għax-xogħol fil-Marsa u l-ekonomija Maltija qed issir dejjem aktar dipendenti fuq dak li xi esperti sejħulha bħala l-iskjavitù moderna. Għalkemm definizzjoni bħal din tidher estrema, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-immigranti li qed jitħaddmu f’kundizzjonijiet tal-biża’ mingħajr protezzjoni, bla benefiċċji soċjali, mingħajr leave tal-mard jew vacation leave, b’salarju taħt il-paga minima u mingħajr miżuri għas-saħħa u sigurtà jiġġustifikaw tali definizzjoni.
Barra minn hekk, hemm sinjali inkwetanti li kategoriji oħra ta’ ħaddiema qed jiġu sfruttati bħal dawk li jaħdmu fil-platform economy fosthom dawk li jwasslu l-ikel tar-ristoranti fid-djar li qed jiġu offruti xogħol bil-kundizzjoni li rreġistraw lilhom infushom bħala self-employed minkejja li m’humiex. Fir-realtà dawn il-ħaddiema għandhom kollox iddettat minn sistema kompjuterizzata li tiddeċiedi kif, meta u sakemm iridu jqassmu x-xogħol. Mhux ta’ b’xejn li ħafna drabi tarahom għaddejjin bil-mutur b’veloċità qawwija għax ikunu f’tellieqa mal-ħin. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-pjattaformi elettroniċi huma amministrati minn terzi u għalhekk dawn il-ħaddiema ma jistgħu qatt ikunu self-employed. Tali sitwazzjoni tkun imposta fuqhom biex ma jkunux eliġibbli għal benefiċċji bħal leave tal-mard u vacation leave biex min iħaddimhom ikun iktar komdu.
Lura għad-diskors tal-Prim Ministru ta’ Jum il-Ħelsien 2016, ta’ min jinnota li l-Gvern f’dik il-leġislatura kien wiegħed li jwaqqaf aġenzija għall-immigranti. L-għan kien li jkunu mrażżna l-abbużi billi jkun hemm sistema lil min iħaddem joffri kundizzjonijiet xierqa anke jekk għal xogħol temporanju. Għal xi raġuni, minkejja li sar ħafna diskors, din il-wegħda qatt ma twettqet. Ikun interessanti li nisimgħu dak li se jħabbar il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fid-diskors tal-Budget għax hu kien fit-tmun tal-aġenzija Jobs Plus meta l-Gvern kien wiegħed li jwaqqaf din l-aġenzija għar-reklutaġġ tal-immigranti.
L-2016 kienet ukoll is-sena li fiha l-Gvern kellu proposta separata fuq il-mejda biex jiġu indirizzati l-abbużi u l-impjiegi prekarji. Dik is-sena l-UĦM Voice of the Workers kienet sejħet għat-twaqqif ta’ portal tal-kuntratti tax-xogħol. L-iskop kien li tinħoloq sistema ġdida, aċċessibbli permezz tal-internet, li tiffaċilita l-ħolqien ta’ kuntratti tax-xogħol b’mod strutturat, veloċi, u faċli. Il-portal għandu jservi bħala repożitorju għal dawk li jħaddmu u li jixtiequ joħolqu kuntratti ta’ xogħol ibbażati fuq mudelli speċifiċi li jkunu konformi mal-liġi. Jekk dan isir ikun pass ta’ ġgant fil-ġlieda kontra l-prekarjat u l-isfruttament tal-ħaddiema. Il-miżura għandha tkun akkumpanjata minn tibdil fil-liġi biex jiġi żgurat li ma jkunx iktar legali li jiġi reklutat xi ħadd mingħajr kuntratt bil-miktub. Għalkemm f’diversi okkażjonijiet il-Gvern irrikonoxxa li din hija proposta valida ħafna, qatt ma wettaqha. Il-proposta tagħmel saħansitra iktar sens kieku kellha tiġi kumplimentata minn rakkomandazzjoni oħra tal-UĦM – sħubija obbligatorja fi trade union għal dawk bi dħul baxx għax huma l-aktar f’riskju għall-isfruttament.
Fl-isfond ta’ dan kollu il-mistoqsija tibda tberren. X’kien jiġri li kieku l-aġenzija għar-reklutaġġ tal-immigranti, il-portal tal-kuntratti, u s-sħubija obbligatorja f’union ġew implimentati? Probabbilment Jaiteh Lamin qatt ma konna se nisimgħu bih.