Il-konġestjoni tat-traffiku mistennija tiggrava hekk kif in-numru ta’ vetturi liċenzjati fit-toroq Maltin żamm ix-xejra ’l fuq u laħaq total ta’ 438,567 sal-aħħar tas-sena li għaddiet.

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li ħlief għal perjodu qasir fl-2020 li ħabat mal-bidu tal-Covid-19, in-numru ta’ vetturi liċenzjati kien qed jiżdied b’rata mgħaġġla tant li f’ċertu żmien laħaq kważi 60 kuljum.

Xejra bħal din qed timmina serjament il-proġetti infrastrutturali li qed isiru f’junctions kritiċi tat-traffiku, peress li sa meta dawn il-proġetti jitlestew il-volum ta’ traffiku li suppost jimmaniġġjaw qed jerġa’ jiżdied.

Sadanittant l-isforzi biex jiġi promoss is-servizz tal-karozzi tal-linja billi jsir bla ħlas, kellhom suċċess limitat peress li ż-żieda fl-użu xorta  ma wasslitx biex in-nies ma jużawx il-karozza tagħhom. Minflok, iż-żieda kienet dovuta għal żieda fil-popolazzjoni minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’għandhomx mezzi biex jixtru l-vettura tagħhom stess.

Proposti oħra bħall-metro ġew imwarrba filwaqt li proposta tal-UHM biex ikun hemm hubs f’postijiet strateġiċi twaqqfet ukoll.

Skont l-NSO fl-aħħar ta’ Diċembru 2023, 73.8% tal-vetturi kienu karozzi tal-passiġġieri, 14.2% vetturi kummerċjali u agrikoli u 11.4% kienu muturi/E-bikes/PA-bikes, E-kick scooters, quadricycles u All-Terrain Vehicles (ATVs). Il-karozzi tal-linja, coaches u minibuses kienu jammontaw għal inqas minn 1%. Fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, l-istokk ta’ vetturi bil-mutur liċenzjati żdied b’rata ta’ 28 vettura kuljum.

Analiżi ulterjuri turi li r-raba’ kwart normalment ikollu l-inqas żieda, filwaqt li ż-żieda fil-vetturi liċenzjati tilħaq il-quċċata fit-tieni kwart tant li fl-2023, kien hemm żieda netta ta’ 58 vettura kuljum f’dan il-perijodu partikolari. L-uniku kwart li ra tnaqqis nett sinifikanti kien it-tieni wieħed tal-2020 fejn kien hemm tnaqqis nett ta’ 22 vettura kuljum – dak it-tnaqqis probabbilment seħħ ħafna minħabba r-restrizzjonijiet ikkawżati mill-Covid.

Bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra, kienu liċenzjati 5,483 vetturi bil-mutur. Fl-istess żmien 6,314-il vettura bil-mutur tneħħew mit-triq minħabba xi restrizzjoni li minnhom 38.9% ġew garaxxjati, 34.2% inbiegħu, u 25.1% kienu skrappjati. Vetturi bil-mutur li kellhom xi  restrizzjoni li spiċċat ammontaw għal 3,706.

Karozzi elettriċi u hybrid għadhom f’minoranza assoluta

Sa tmiem Diċembru 2023, 254,653 vettura bil-mutur jew 58.1% tat-total kellhom magni li jaħdmu bil-petrol u 156,616 jew 35.7% tat-total bid-diesel. Vetturi bl-elettriku u plug-in hybrid ammontaw għal 3.9% tal-istokk kollu għal total ta’ 17,036. Meta mqabbla mat-tliet xhur ta’ qabel, kienu rreġistrati żidiet ta’ 29.3%, 7.9% u 6.7% f’vetturi plug-in hybrid (diesel-electric), mild hybrid (petrol-electric) u vetturi bl-elettriku rispettivament.