Ix-xogħlijiet fit-toroq f’Malta: storja bla tmiem
Fl-aħħar snin intefqu miljuni biex it-toroq ilaħħqu maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni. Dawra madwar il-pajjiż tagħtik idea tax-xogħlijiet li għaddejjin bħalma huma l-junction ta’ Ħal Luqa maġenb l-ajruport, il-Bajja tal-Għadira, Triq il-Kbira ta’ San Ġużepp f’Santa Venera u proġetti oħra f’zoni residenzjali.
X’aktarx li dawn ix-xogħlijiet huma meħtieġa u kien imisshom saru żmien twil ilu. Sakemm in-numru ta’ vetturi liċenzjati fit-triq ikompli jiżdied bir-rata preżenti ta’ 29 kuljum hemm prezz x’jitħallas. Dawn ix-xogħlijiet mhux biss huma meħtieġa biex titjieb il-kapaċità iżda wkoll biex it-toroq jinżammu fi stat tajjeb peress li t-traffiku qawwi x’aktarx iħalli piż fuq l-infrastruttura. F’każijiet oħra jsiru xogħlijiet biex jissewwew jew jiġu installati servizzi ġodda li jvarjaw minn mains tal-ilma, drenaġġ, cables tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni.
Sfortunatament, minkejja li n-nefqa żdiedet il-problemi ta’ kordinament, responsabbiltà, kwalità tax-xogħlijiet u l-ġestjoni tat-traffiku għadhom magħna. Barra minn hekk, il-proġetti qed jieħdu wisq żmien biex jitlestew. Meded qosra ta’ toroq residenzjali qed jieħdu diversi xhur waqt li proġetti kbar qed jieħdu snin. F’xi każijiet, id-dewmien huwa r-riżultati tal-waqfien tax-xogħlijiet jew inkella bil-mod wisq. Dawn iċ-ċirkostanzi jnisslu rabja kbira fost is-sewwieqa, ir-residenti u l-pubbliku b’mod ġenerali. Każ partikolari huma x-xogħlijiet tul it-Triq ta’ Għajn Tuffieħa li ilhom xhur għaddejin kif ukoll it-tħaffir ta’ trinek f’partijiet residenzjali tal-Mellieħa. Fiż-żewġ każijiet is-siti jagħti impressjoni ta’ abbandun b’sinjali tat-traffiku fqar u l-wiċċ temporanju fi stat tal-biki. Ritratti tal-kundizzjonijiet koroh ta’ dawn it-toroq għamlu dehru il-midja soċjali, iżda jidher li ħadd ma refa’ subgħajh biex jindirizza s-sitwazzjoni. Konsegwentement, is-sewwieqa qed jagħmlu ħsara lill-vetturi tagħhom filwaqt li r-residenti huma rassenjati li kull meta jkun hemm ir-riħ iridu jimtlew bit-trabijiet.
Biex tgħaxxaqha, dawn il-proġetti li jkunu ilhom tant biex jitlestew xi drabi ma tantx idumu jitgawdew peress li f’xi każijiet it-triq terġa’ tinqala ftit wara! Hekk ġara x-Xemxija fejn parti sew mix-xatt spiċċat munzell terrapien inqas minn sentejn wara proġett ta’ tisbiħ ta’ €300,000.
Xeni bħal dawn huma aktar assoċjati ma’ pajjiżi tat-tielet dinja jekk mhux zoni ta’ gwerra. Minkejja l-wegħdi li se jkun hemm koordinament aħjar, ma sar ebda progress f’dan ir-rigward. Il-kwistjoni tmur lil hinn mill-ġestjoni, il-prattiċi tax-xogħol u l-liġijiet. Huwa ċar li sakemm ma jkunx hemm bidla fil-mentalità madwar l-industrija kollha tal-kostruzzjoni l-affarijiet qatt mhu se jinbidlu. F’dan ir-rigward, sakemm il-gvern ma jkunx hu stess li jagħti l-eżempju m’hemmx ċans tal-qabża ta’ kwalità. Jidher li l-kwistjoni tax-xogħlijiet fit-toroq se tibqa’ storja bla tmiem.