Infrastructure Malta tgħid li dan kien neċessarju biex jitnaqqas il-periklu

Kull min jaqsam għal Għawdex ta’ spiss, is-sidien tal-boathouses u dawk li jiffrekwentaw il-bajjiet tal-Mellieħa jinsabu irrabjati minħabba li l-proġett tal-Bajja tal-Għadira se jwassal biex ikun hemm konġestjoni ta’ traffiku. Dawk milquta li tkellmu ma’ Voice of the Workers Weekly ilmentaw li d-deċiżjoni li l-karreġġjata li tagħti għan-nofsinhar ta’ Malta tidjieq se twassal għal sriebet twal ta’ traffiku. Huma qalu li din il-problema diġà feġġet is-sajf li għadda meta t-traffiku kien limitat għal karreġġjata waħda minħabba x-xogħlijiet, tant li ġieli t-traffiku baqa’ sejjer saċ-Ċirkewwa u l-Bajja tal-Armier.

“Ma jitwemminx il-fatt li dan l-arranġament issa se jsir b’mod permanenti u hu ċar kristall li dan se jkun żball,” huma sostnew.

Ikkuntattjat minn dan il-portal, il-kap Eżekuttiv tal-aġenzija governattiva li qed tmexxi dan il-proġett, Infrastructure Malta, xejjen dan it-tħassib filwaqt li ikkonferma li l-karreġġjata lejn in-Nofsinhar bejn il-parkeġġ tal-Bajja tal-Għadira u r-roundabout faċċata tal-għassa tal-pulizija se ssir b’karreġġjata waħda. Ivan Falzon iġġustifika dan għax qal li b’hekk se tingħata prijorità lis-sigurtà ta’ dawk li jkunu mixjin fit-triq. Żied jgħid li l-parkeġġ se jkun fil-karreġġjata tan-nofsinhar maġenb il-bajja biex ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-pubbliku jaqsam tliet korsiji min naħa l-oħra tat-triq maġenb ir-riżerva naturali fejn il-parkeġġ se jkun projbit.

Madankollu, esperti tat-traffiku li tkellmu ma’ dan il-portal bil-kundizzjoni tal-anonimità qalu li ma jagħmilx sens li din it-triq tidjieq. “Din se tkun falliment speċjalment fis-sajf jew wara xi long weekend. Tista’ tgħid li mill-5pm ’il quddiem, it-traffiku kollu minn Għawdex u l-bajjiet tal-Armier li jkun akkumula matul il-ġurnata se jkollu jgħaddi minn karreġġjata waħda.”

Barra minn hekk, sostnew li jekk il-gvern kien ried idejjaq it-triq akkost ta’ kollox dan kellu jsir fil-karreġġjata opposta. “Li tidjieq in-naħa tat-tramuntana għal karreġġjata waħda kien ikollu impatt inqas peress li t-traffiku li sejjer lejn Għawdex u l-Armier huwa mifrux matul il-ġurnata filwaqt li fin-naħa tan-nofsinhar kollha dawk li jivvjaġġaw aktarx se jsuqu lura d-dar f’temp ta’ ftit sigħat u għalhekk hemm aktar ċans li jinħoloq it-traffiku”.

Ma ntalab l-ebda permess mill-Awtorità tal-Ippjanar

Sadanittant, il-pjanti għal dan il-proġett mhumiex disponibbli għal pubbliku fuq il-websajt tal-awtorità tal-ippjanar peress li x-xogħlijiet mhumiex koperti b’permess tal-ippjanar minkejja li ż-żona inqalgħet mill-qigħ u sar disinn ġdid. Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, ma kien hemm l-ebda obbligu bil-liġi li jintalab permess għax il-proġett jinsab fil-konfini ta’ dak eżistenti inkluż il-promenade. Konsegwentement, mhux magħruf jekk il-proġett kienx soġġett għall-iskrutinju tas-soltu tal-applikazzjonijiet tal-iżvilupp għal dak li għandu x’jaqsam għal disinn, aċċessibilità u impatt ambjentali.

“Infrastructure Malta m’għandhiex bżonn permessi tal-PA meta taħdem fuq spazji tat-toroq eżistenti, inklużi mogħdijiet, truf, parkeġġ jew il-ġenb li jiffurmaw parti mill- spazju eżistenti tat-triq,” insista Falzon.

Proġett li jkun lest fi żmien sena

Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett li beda f’Jannar tas-sena l-oħra waqgħu lura u  l-mira hi li jitlesta f’Marzu 2024. S’issa tlestew ħafna mix-xogħlijiet fuq il-korsiji tat-tramuntana inkluż it-tqegħid ta’ aktar minn 5km ta’ mains tal-ilma u r-rikostruzzjoni tal-wiċċ tat-triq ta’ 1.6km. Dawn il-korsiji bħalissa jinsabu miftuħa iżda jeħtieġu l-aħħar saff ta’ asfalt.

Ix-xogħlijiet se jkollhom jieqfu għal darb’oħra għas-sajf sa liema żmien l-għan huwa li tinbena mill-ġdid il-karreġġjata tan-nofsinhar, il-promenade ta’ 1.2km, 5km ta’ servizzi minn taħt it-triq u l- wiċċ tat-triq ta’ 1.6km.

Il-fażi finali hija skedata li tibda f’Ottubru u tinkludi xogħlijiet lesti, saffi finali tal-asfalt, tisbiħ, u marki tat-toroq.