It-triq ’il quddiem fuq l-immaniġjar tal-iskart
Erba’ snin mill-introduzzjoni tal-iskema nazzjonali għas-separazzjoni tal-iskart domestiku, il-gvern ħabbar tibdil maħsub biex dan il-proġett isir aktar effiċjenti. Għal din ir-raġuni, ġie deċiż li jitneħħew l-iskedi differenti tal-ġbir tal-iskart li permezz tagħhom kull kunsill kienu jiddeċiedi dwar ġranet speċifiċi meta għandu jinġabar tip partikolari ta’ skart. Minflok issa kien introdott mudell ċentralizzat. Il-bidla kienet f’waqtha peress li ma jagħmilx sens li għad-daqs ġeografiku tagħna jkollna 68 skeda differenti tal-ġbir tal-iskart. Ta’ min isemmi, iżda, li meta tnediet l-iskema fl-2018, il-gvern kien ġie mwissi li d-deċiżjoni li kull kunsill jiddeċiedi għal rasu kienet se tfisser problemi fl-infurzar. Meta wieħed iżomm f’moħħu l-mijiet ta’ toroq ‘mal-konfini’ tal-lokalitajiet u l-problemi li kien hemm biex ikun stabbilit liema skeda malajr jirrealizza kemm is-sistema kien kumplikata. Is-sitwazzjoni hija agħar fiz-zoni turistiċi, fejn huwa kważi impossibbli li wieħed jidra dawn l-iskedi fi ftit jiem biss. Madankollu, kellhom jgħaddu erba’ snin biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata.
Meta wieħed iħares minn perspettiva iktar wiesgħa, madankollu, għad hemm xi mistoqsijiet li sal-lum ma ġewx imwieġba. Minħabba li ammont sinifikanti ta’ djar mhux qed jarmu l-iskart tagħhom kif suppost, x’passi qed jieħdu l-awtoritajiet kontra min qed jikser ir-regolamenti b’mod sistematiku. Għaliex l-idea ta’ boroż tal-iskart bil-barcode li fih l-indirizz tad-dar qatt ma kienet kunsidrata? X’kontrolli qed isiru fuq l-industrija tal-catering u n-negozji li jipproduċu ammonti kbar ta’ skart, speċjalment organiku? X’miżuri qed jittieħdu biex jinkoraġġixxu s-separazzjoni tal-iskart f’avvenimenti tal-massa? Kif qed jintrema l-iskart goff li jinġabar fi skips?
Jekk dawn il-mistoqsijiet pertinenti jitħallew mhux imwieġba se jkun diffiċli li jintlaħaq l-għan aħħari li titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart, jiġi separat mill-bidu nett u kemm jista’ jkun jiġi riċiklat. Jekk isir l-infurzar nittamaw li l-awtoritajiet ma jkunux iebsa mad-dgħajfa u dgħajfa ma min hu b’saħħtu. Kwalunkwe tentattiv biex jitrażżnu l-abbużi li jkun limitat biss għad-djar iżda mhux għan-negozji wkoll joħloq inġustizzja.
Sadanittant, l-iskema tar-riċiklaġġ tal-fliexken sa fl-aħħar bdiet taħdem. S’issa r-riżultati ġabu reazzjonijiet imħallta. Filwaqt li dan il-proġett diġà wassal għall-ġbir ta’ miljuni ta’ kontenituri – li huwa suċċess kbir – l-iskema qanqlet bosta mistoqsijiet. Għal dawk li jiftakru mudelli simili li kienu fis-seħħ għall-ġbir tal-fliexken tal-ħġieġ tas-soft drinks, huwa inkonċepibbli kif l-iskema BCRS tiddependi kompletament fuq it-teknoloġija. Għaliex ma saritx sistema li biha l-fliexken u l-bottijiet tal-plastik jistgħu jiġu depożitati fi ħwienet jew postijiet speċifiċi, minflok l-iskema preżenti fejn il-kontenituri trid iżommhom qishom ġodda, taħżinhom id-dar, u jkollhom tgħaddihom mill-magna wieħed wieħed… (dejjem jekk il-magna tkun taħdem jew ma tkunx mimlija)? L-operatur tal-iskema huwa marbut b’miri stabbiliti dwar in-numru ta’ kontejners miġbura? X’jiġri mid-depożitu ta’ 10ċ miġbur f’każ li l-fliexken ma jiġux riċiklati u għalhekk l-ammont ma jingħatax lura?
L-isforzi għat-tnaqqis, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom jiġu mfaħħra iżda s-suċċess fl-aħħar mill-aħħar jiddependi fuq jekk in-nies iħossuhomx parti mis-sistema. Ovvjament, sakemm ċerti mistoqsijiet jibqgħu mhux imwieġba hemm ir-riskju li dawn l-isforzi ma jħallux il-frott mixtieq.