Il-Kunsilli Lokali f’lokalitajiet urbani jistgħu japplikaw għall-Iskema ta’ Għotja Żgħira (SGS) li ġiet imnedija fi Frar li għadda mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. Din l-iskema hija kofinanzjata mill-Mekkaniżmu ta’ Finanzjament Norveġiż u tfittex li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet fil-bżonn fil-lokalitajiet urbani.

F’dan ir-rigward, l-iskema se tiffinanzja proġetti li jissodisfaw wieħed jew aktar mill-għanijiet hawn taħt:

1. Appoġġ għar-riġenerazzjoni fiżika, ekonomika u soċjali ta’ komunitajiet fil-bżonn

2. Riġenerazzjoni ta’ spazji pubbliċi miftuħa u djar pubbliċi

3. It-tiġdid tal-bliet urbani li jiżguraw infrastruttura aħjar

4. It-titjib tal-aspetti ambjentali tal-lokalitajiet fil-bżonn

Il-Kunsilli Lokali biss f’21 lokalità urbana huma eliġibbli biex japplikaw – xi eżempji jinkludu l-Fgura, il-Furjana, l-Isla u l-Birgu. Entitajiet oħra bħal NGOs stabbiliti bħala persuna ġuridika f’Malta jistgħu jipparteċipaw bħala msieħba fil-proġett.

Ir-rata massima ta’ għotja hija ta’ 85% tan-nefqa totali eliġibbli li tista’ tilħaq massimu ta’ € 100,000. L-iskadenza hija l-31 ta’ Mejju, 2021. Għal aktar informazzjoni relatata mal-finanzjament tal-UE, ġentilment ikkuntattja s-Servizzi Ewropej f’Malta fuq info.sem@gov.mt jew 2200 3300.