L-ekonomija Maltija wriet grad għoli ta’ reżiljenza wara x-xokk ikkawżat mill-COVID-19 partikularment fit-turiżmu, il-kultura u l-industrija tad-divertiment. Ir-rata baxxa ta’ qgħad hija xhieda ta’ din ix-xejra pożittiva. Probabbilment, l-iskema tal-wage supplement introdotta mill-Gvern b’kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali, kienet kruċjali għax tat nifs lil intrapriżi li waqfu kompletament jew ġew imfixkla severament.

Madankollu, ikun prematur li wieħed jikkonkludi li Malta rnexxielha toħroġ minn din il-burraxka.

Il-wage supplement qatt ma kienet maħsuba biex tissostitwixxi r-responsabbiltà ta’ min iħaddem li jħallas lill-ħaddiema, iżda mezz biex tikkumpensa għat-telf minħabba l-COVID-19. B’din il-miżura min iħaddem kien mistenni jħallas biss €400 li jiżdiedu mal-wage supplement ta’ €800 mingħand il-Gvern, bl-iskop li jkun żgurat salarju minimu ta’ €1,200 fix-xahar. Madankollu, setgħet tingħata eżenzjoni li biha min iħaddem seta’ ma joħroġ xejn, f’każ li jkun hemm evidenza li spiża bħal din ma tkunx tista’ tiġi sostnuta. Sal-lum l qatt ma kienu ppubblikati dettalji dwar in-numru ta’ intrapriżi li ngħataw tali eżenzjoni. Madankollu, dawn il-każijiet kellhom mill-ewwel jixgħelu l-bozza l-ħamra għax kienu jfissru li qabel ma bdiet il-pandemija diġà kien hemm problemi serji.  Fil-mument li din l-iskema titwaqqaf, probabbilment li dawn l-intrapriżi jagħlqu. Xenarju bħal dan hu tassew inkwetanti għax jista’ jkun sintomatiku ta’ bomba tal-ħin tal-qgħad. Il-Gvern għandu jifli dawn il-każijiet fosthom il-business plans ta’ dawn in-negozji u jekk hemm bżonn jitlob ċerti garanziji u obbligi. Jekk dan ma jsirx, il-wage supplement  tkun qegħda biss titfa’ l-problema taħt it-tapit.

Minn perspettiva iktar wiesgħa, kien hemm eluf ta’ ħaddiema li ma tilfux l-impjieg iżda ntlaqtu xorta waħda. Skont l-aħħar Labour Force Survey fl-aħħar tliet xhur tal-2020, is-salarju medju fix-xahar f’Malta (li huwa kalkulat fuq il-paga bażika qabel titnaqqas it-taxxa u l-bolla u  li jeskludi overtime jew allowances) naqas għal €1,555 minn €1,619 mill-aħħar kwart tal-2019 – l-aħħar tliet xhur qabel il-pandemija. It-tnaqqis huwa ekwivalenti għal €64 jew €768 fuq sena sħiħa. L-istatistika turi li dan hu parzjalment dovut għal tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li jirriżulta f’inqas domanda. Fil-fatt fl-aħħar kwart tal-2019 l-impjegati ħadmu medja ta’ 39.9 sigħat fil-ġimgħa, filwaqt li fl-istess xhur tal-2020 iċ-ċifra rispettiva kienet ta’ 36.6 sigħat. Dan ifisser inqas flus fil-but u m’hemm l-ebda garanzija li dak li tilfu dawn il-ħaddiem se jiġi lura awtomatikament fix-xhur li ġejjin.

Intqal ħafna dwar il-ħtieġa li nkunu ppreparati biex “nitilqu niġru” hekk kif tgħaddi l-pandemija. L-hekk imsejħa era post-COVID la għandha tkun cliché u lanqas tiġi trattata bħala xi bidla drammatika. Mhux se jkun hemm it-tokki ta’ nofs il-lejl bħalma jiġri fl-Ewwel tas-Sena. L-aħjar xenarju li nistgħu naspiraw għalih huwa bidla gradwali lejn in-normalità. Iżda jekk ma nieħdux azzjoni immedjata biex nindirizzaw ċerti sinjali inkwetanti se nkunu qed nipperikolaw iċ-ċans li nirpiljaw mill-ewwel.