It-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE spjegat
L-Unjoni Ewropea ma tiqafx taħdem. Id-deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet, anki waqt li qed taqra dan l-artiklu, qed jittieħdu bl-iskop li jinħolqu policies li fl-aħħar mill-aħħar huma ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Imma fil-qosor, x’jinvolvi dan il-proċess u lil min jolqot?
Kollox jibda mill-Kummissjoni Ewropea, il-fergħa eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel, wieħed irid jifhem li l-Kummissjoni, filwaqt li hija responsabbli biex tipproponi u timplimenta l-leġislazzjoni, mhix involuta fi qbil dwar il-qafas legali biex ikun addottat. Il-proposti li jsiru mill-Kummissjoni ssoltu huma r-riżultat ta’ rakkomandazzjonijiet li jittieħdu mill-Parlament Ewropew (l-unika istituzzjoni li għandha r-rappreżentanti tagħha kollha eletti miċ-ċittardini), is-soċjetà ċivili u xi drabi mill-istati membri.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE (iż-żewġ korpi leġislattivi tal-Unjoni Ewropea), imbagħad jibdew il-proċedura iebsa biex jivverifikaw u jemendaw proposti mressqa mill-Kummissjoni. Malli, u jekk, ikunu approvati miż-żewġ istituzzjonijiet imsemmija hawnhekk, dawn il-proposti jiġu applikati f’kull stat membru, bil-Kummissjoni tkun ċerta li l-leġislazzjoni hija applikata kif suppost.
Għaldaqstant, il-MEUSAC, minħabba r-rwol li jiffaċilita l-konsultazzjoni dwar proposti Ewropej għan-nom tal-Gvern, dan l-aħħar tella’ fuq l-internet l-online Policy Tracker fejn il-partijiet interessati jistgħu jsegwu u jipparteċipaw permezz ta’ reazzjonijiet fuq l-internet dwar dawk il-proposti li għadhom qed jiġu diskussi.