Is-settur taċ-ċereali fl-UE: Aspetti prinċipali, sfidi u prospetti
Is-sistemi tal-ikel u l-agrikoltura huma ċentrali għall-ħarsien tal-umanità. Meta nikkunsidraw is-sigurtà tal-ikel, dawn is-sistemi huma bżonnjużi mhux biss biex jipprovdu ikel sikur u tajjeb għas-saħħa, imma wkoll l-għajxien u d-dħul finanzjarju lil ħafna bdiewa.
Dawn l-istess sistemi huma integrali għall-iżvilupp rurali u ekonomiku. Fil-qalba tal-objettiv dwar is-sigurtà tal-ikel hemm il-produzzjoni taċ-ċereali madwar id-dinja biex tilħaq id-domandi dejjem jiżdiedu għall-ikel, għall-għalf lill-annimali u għall-biofuels. Fl-UE, is-settur taċ-ċereali jammonta għal kważi 11 fil-mija tal-valur totali li ħareġ mill-produzzjoni tal-biedja fl-2016, it-tielet wara s-setturi tal-ħaxix/l-ortikultura u dak dwar il-prodotti mill-ħalib. Huwa settur importanti għal ħafna stati membri, partikularment dawk fit-tramuntana, fejn hu żviluppat sewwa.
L-istati membri kollha jipproduċu xi taħlita ta’ ċereali. Is-settur taċ-ċereali fl-UE qed jiffaċċja sfidi mhux biss strutturali imma wkoll finanzjarji u klimatiċi. Żviluppi fil-qafas ta’ policy kif murija mill-proposti tal-politika komuni dwar l-agrikoltura kif ukoll avvanzi fl-isferi xjentifiċi u teknoloġiċi, bħat-tkabbir tal-pjanti u d-diġitalizzazzjoni, jippuntaw it-triq għal settur iżjed effiċjenti.
Madankollu, l-isfidi settorali huma ħafna. Il-proċess tar-riforma tal-CAP għall-perjodu wara l-2020 li jwiegħed mudell ġdid ta’ kif għandha titwassal il-ħidma u l-pjani strateġiċi huwa t-tluq minn dak li huwa magħruf. Swieq dinjija tal-agrikoltura jiffaċċjaw inċertezzi ġodda li, min-naħa tal-provvista, jinkludu tweġibiet regolatorji għal tekniki ġodda fit-tkabbir tal-pjanti u tweġibiet għal dawk li x’aktarx ikunu l-avvenimenti estremi fil-klima.
Is-settur taċ-ċereali huwa wieħed li jaħdem f’ambjent tal-biedja li jipprova jiġġieled in-nuqqas ta’ prodotti tal-ħarsien tal-pjanti li qabel wieħed kien jiddependi fuqhom, u f’dinja li qed tħabbatha dwar kif il-Ftehim ta’ Pariġi jista’ jkun realtà. Dawn l-isfidi lkoll se jinfluwenzaw il-profittabbiltà u l-għajxien tas-settir.