Is-sehem tat-teknoloġija waqt l-imxija ta’ COVID 19
Bħalissa qed ngħixu waħda mill-aktar trasformazzjonijiet organizzattivi u mgħaġġla fl-istorja hekk kif gvernijiet, negozji u entitajiet oħrajn qed jiddependu ħafna fuq l-internet biex inaqqsu t-taqlib kawżat mil-lockdowns jew minn miżuri oħrajn ħalli jikkontrollaw il-virus.
Dawn l-aħħar ġimgħat raw l-applikazzjoni bla preċedent ta’ teknoloġiji diġitali b’ħafna ħaddiema li ġew mitluba jaħdmu mid-dar, skejjel u universitajiet jagħtu l-lezzjonijiet online filwaqt li ħafna oħrajn irrikorrew għall-webinars fuq Skype jew xi pjattaforma oħra.
Għodda diġitali bħal apps ukoll qed jiġu wżati biex tkun ivverifikata l-imxija tal-virus, filwaqt li kumpaniji tat-teknoloġija qed iħaddmu l-kapaċitajiet elettroniċi tagħhom biex jgħinu lir-riċerkaturi fil-kura ta’ dan il-virus.
Imma din id-dipendenza li qed tiżdied fuq pjattaformi diġitali esponiet distakk bejn dawk li għandhom il-vantaġġi teknoloġiċi u dawk li m’għandhomx. Wieħed jista’ jsemmi l-eżempju ta’ nies anzjani, li huma l-aktar vulnerabbli għall-Coronavirus, u li forsi m’għandhomx aċċess diġitali biex jiksbu tagħrif li qed jiċċirkola fil-pront sabiex jeduka kontra l-imxija tal-marda.
Min-naħa l-oħra, skont analiżi li saret minn UNCTAD, ix-xogħolijiet u s-servizzi virtwali x’aktarx li se jsaħħu l-pożizzjonijiet fis-suq ta’ pjattaformi megadiġitali. L-istess analiżi enfasizzat id-domanda li qed tiżdied għal software biex ikunu jistgħu jsiru l-konferenzi online, bħal Microsoft Teams, Skype u Zoom.
L-esperti qed jistennew iżjed ħidma diġitali u laqgħat virtwali, anki wara li l-pandemija tintemm. Ħafna negozji u entitajiet oħrajn sabu li qed imorru tajjeb bil-ħidma virtwali. Dan ifisser li aktar nies se jippreferu li jikkomunikaw online milli bil-kuntatt wiċċ imb’wiċċ.
Barra minn hekk, din il-pandemija qed tagħti lok dwar kif nistgħu nagħmlu użu mit-teknoloġiji li għandna. Qed iġġiegħlna naħsbu wkoll dwar x’neħtieġu fil-futur qrib biex nindirizzaw id-dgħufijiet u l-ostakli li għadhom jeżistu fl-ekonomija tagħna.