Is-saga tas-settur tal-kostruzzjoni
Għaxar xhur wara l-mewt traġika ta’ Miriam Pace fir-residenza tagħha fil-Ħamrun, ir-riforma tant mistennija fl-industrija tal-kostruzzjoni għadha ma seħħitx. Kien biss ftit jiem ilu li r-rakkomandazzjonijiet magħmula minn kummissjoni inkarigata tirrevedi l-liġijiet eżistenti li jirregolaw din l-industrija, kienet pubblikata.
Il-mewt traġika ta’ omm ta’ 54 sena li ntradmet ħajja taħt it-tifrik ta’ darha stess, fit-2 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet – b’riżultat ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biswit il-propjetà fejn kienet toqgħod – ma kienitx fula f’qargħa. It-twissijiet u s-sinjali li traġedja bħal din kienet imminenti jekk ma kien se jsir xejn kienu ilhom fid-deher. Kien biss b’xorti tajba li ma seħħewx traġedji oħra. F’Ġunju 2019, Maggie Smith ta’ 77 sena għodditha b’waħda, meta l-appartament tagħha fi blokk ta’ erba’ sulari fil-Mellieħa ġġarraf. Jiem wara, familji li jgħixu fi blokk ta ’appartamenti fi Gwardamanġa kellhom jiġu evakwati wara li waqa’ ħajt. Dan kollu ġara, ġimgħat biss wara li grupp ieħor ta’ familji, ukoll fi Gwardamanġa kellhom jabbandunaw l-appartament tagħhom, meta parti mill-blokk iġġarrfet. Il-fattur komuni f’dawn il-każi kienu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biswit il-bini li ġġarraf.
Għaddew ix-xhur u s-sens ta’ għadab u inġustizzja fost dawk milquta komplew jikbru hekk is-sitwazzjoni tagħhom donnha intesiet, waqt li urġenza tal-awtoritajiet li jagħmlu xi ħaġa battiet fi ftit ġimgħat. Sadanittant, it-tkomplija u t-tlestija tax-xogħlijiet f’dawn is-siti ta’ kostruzzjoni kompla jitfa’ l-melħ fil-ferita għal dawk milquta. Filwaqt li huma kienu għadhom imċaħħda milli jgħixu f’darhom qed jiġu miċħuda d-dritt li jgawdu l-propjetà tagħhom stess, il-blokki ta’ biswithom kienu lesti jekk mhux diġà abitati. Dawn il-każijiet huma eżempju ċar tal-mod kif ċertu kwistjonijiet ikunu indirizzati f’Malta – tittieħed azzjoni biss meta ma jkunx hemm triq oħra.
F’dan il-każ il-Prim Ministru Robert Abela kien wiegħed li jrażżan l-hekk imsejħa ‘cowboys’ fl-industrija tal-kostruzzjoni. Il-ħatra ta’ bord ta’ esperti biex jagħmlu proposti dwar kif il-liġijiet ikunu iktar stretti, jissaħħu l-infurzar u s-sigurtà, filwaqt li ma tkunx imxekkla l-industrija tal-kostruzzjoni. Dan il-pass intlaqa’ tajjeb għalkemm missu sar ferm qabel.
Għalkemm fil-każ ta’ Pace il-ġustizzja tidher li qed issir għax tressqu l-persuni l-qorti, mill-bqija bqajna fejn konna. Kien biss din il-ġimgħa li r-rapport ta’ inkjesta bir-rakkomandazzjonijiet ġie pubblikat minkejja li kien ingħata lill-gvern xhur ilu. Sadattant, l-abbozz ta’ liġi biex titwaqqaf Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tfaċċa biss f’dawn il-jiem. Dawn l-iżviluppi seħħew wara kritika ħarxa lill-gvern li raqad fuq din il-problema.
Matul dawn iż-żmien li fih l-awtoritajiet ħadu bil-lajma, il-familja Pace baqgħet titlob biex issir ġustizzja permezz ta’ l-uniku mezz ta’ komunikazzjoni disponibbli għalihom, il-Facebook. In-niket u l-frustrazzjoni tagħhom hu prova ċara li wara għaxar xhur din is-saga għadha sejra.