Ir-ritorn għall-moviment ħieles tul il-fruntieri huwa ta’ importanza kbira
Membri Parlamentari Ewropej fi ħdan il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-kontrolli interni tal-fruntieri fiz-zona Schengen u l-impatt tagħhom fuq in-nies u n-negozji, f’resoluzzjoni addottata dan l-aħħar bi 53 vot favur, sitta kontra u sitt astensjonijiet.
Huma jenfasizzaw li r-ritorn malajr kemm jista’ jkun u koordinat għal zona Schengen li tiffunzjona b’mod sħiħ huwa ta’ importanza kbira biex titħares il-libertà tal-moviment, waħda mill-kisbiet prinċipali tal-integrazzjoni Ewropea, u biex tassigura l-irkupru tal-ekonomija tal-UE wara l-pandemija.
Filwaqt li qed jitolbu lill-istati membri biex inaqqsu r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment għall-istess punt li l-miżuri tal-COVID-19 qed ikunu rilaxxati, il-Membri Parlamentari Ewropej jissuġġerixxu li ħidma reġjonali tista’ tkun iżjed proporzjonata minn kontrolli tal-fruntieri nazzjonali. Ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment jistgħu jiġu mneħħija fejn is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika f’reġjuni ġirien tjiebet bejn wieħed u ieħor.
Il-Membri Parlamentari Ewropej qed jitolbu għal dibattitu dwar it-twaqqif ta’ Pjan ta’ Irkupru għax-Schengen mill-aktar fis, sabiex issir prevenzjoni temporanja fil-kontrolli tal-fruntieri interni milli jsiru kważi permanenti. Il-pjan ukoll għandu jinkludi pjani ta’ kontinġenza f’każ tat-tieni mewġa tal-COVID-19.