Ir-riforma tat-Tribunal Industrijali
Il-ħtieġa li t-Tribunal Industrijali jkun riformat biex jirrifletti l-ħtiġijiet taż-żminijiet tal-lum u jkunu indirizzati ċertu nuqqasijiet fil-liġi jew aspetti li huma kemxejn vagi ilna nisimgħu dwarha snin. Dan il-korp ġuridiku kien twaqqaf f’nofs is-snin sebgħin biex titratta esklussivament każi dwar ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema fosthom meta impjegat iħoss li jkun tkeċċa inġustament.
UĦM Voice of the Workers ilha snin tinsisti li biex dan il-korp ġuridiku jissaħħaħ u jgawdi fiduċja akbar fost il-poplu irid ikun kompletament indipendenti mill-Gvern tal-ġurnata u jkollu l-għodod kollha neċessarji biex jaħdem. Kien għalhekk li din il-unjin għadha qed tinsisti li l-aħjar triq tkun dik li dan it-tribunal ikun presedut minn maġistrat u mhux iktar minn chairman appuntat mill-Gvern tal-ġurnata.
Is-sistema preżenti setgħet kienet adegwata meta dan it-tribunal twaqqaf iktar minn 40 sena ilu, imma mhux fid-dinja tal-lum fejn hawn kuxjenza ferm iktar qawwija fuq il-ħtieġa tas-saltna tad-dritt u l-bżonn li jkun hawn istituzzjonijiet indipendenti li jitħallew jaħdmu. Fuq kollox żdied ukoll ix-xogħol għal dan it-tribunal għas-sempliċi raġuni li l-postijiet tax-xogħol matul is-snin żdiedu b’riżultat tat-tkabbir ekonomiku.
Bil-proposta tal-UĦM, it-tribunal jingħata profil għola għax ikun fl-istess livell tal-qorti tal-maġistrati. Fil-prattika jkun ifisser li l-kawżi jkunu qed jinstemgħu minn espert legali speċjalizzat fil-liġi industrijali b’mod full-time. B’hekk il-partijiet involuti jkollhom rashom iktar mistrieħa fil-kompetenza tat-tribunal li għandu s-setgħa jordna kumpens finanzjarju ta’ eluf ta’ ewro.
Din ir-riforma għandha tħares ukoll li jekk verament nemmnu fl-awtonomija ta’ tribunal industrijali dan għandu jkollu binja dedikata esklussivament għalih bħal istituzzjonijiet oħra fosthom il-Qorti tal-Familja.
Madankollu, l-UĦM temmen ukoll li din ir-riforma għandha tipprovdi qafas biex qabel kwistjoni tmur fit-tribunal ikun hemm sforz ġenwin biex il-partijiet jiftiehmu permezz tal-medjazzjoni. Bl-istess mod kif dan il-kunċett kien introdott fil-Qorti tal-Familja snin ilu, għandu jsir fil-qasam tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali. Dan billi jkun hemm persuni mħarrġa fil-medjazzjoni u jekk hemm bżonn isiru emendi fil-liġi li jipprovdu li din il-possibbiltà għandha tkun esplorata dejjem.
Il-UĦM reġgħet ressqet dawn il-proposti f’konferenza nazzjonali organizzata mid-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, li fost affarijiet oħra flimkien mal-imsieħba soċjali iddiskutiet il-futur tat-tribunal.
Jekk il-Gvern verament jemmen f’din ir-riforma għandu jassigura li din titwettaq mill-iktar fis għax fuq kollox dan ikun pass ieħor importanti fit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt li hi kolonna tad-demokrazija industrijali.