Ir-relazzjoni bejn il-Coronavirus u l-bidla fil-klima
Ekonomisti u xjenzati fil-Fillandja u fl-Istati Uniti sabu li l-Coronavirus qata’ l-emissjonijiet tal-gassijiet b’rata aktar mgħaġġla minn snin ta’ negozjati dwar il-bidla fil-klima.
Il-Coronavirus qed iħalli effetti kbar madwar id-dinja. L-industrija tal-avjazzjoni, biex nieħdu eżempju, qed tbassar tnaqqis sinifikanti, it-turiżmu qed jieħu daqqa ta’ ħarta kbira, avvenimenti sportivi u konferenza internazzjonali kellhom jitħassru u diversi skejjel ingħalqu.
L-ekonomisti qed ibassru li jista’ jkun hemm reċessjoni fil-Ġermanja u l-Ġappun minħabba n-nuqqas ta’ kummerċ maċ-Ċina. It-tkabbir ekonomiku dinji mistenni jkun baxx u d-domanda għaż-żejt niżlet b’rata mgħaġġla ħafna aktar minn dik matul il-kriżi finanzjarja internazzjonali tal-2008.
Dan il-virus qed iwassal lill-bniedem biex ibiddel id-drawwiet tiegħu, tant li bla ma jaf qed jagħti kontribut fil-ħarsien tal-klima. Dan għax ħafna ħaddiema qed jaħdmu mid-dar, qed isiru ħafna video-conferences u allura qed jaħdmu inqas mill-uffiċċju b’riżultat li t-traffiku u t-tniġġis li jiġi kkawżat minnu qed jonqos.
Jon Erickson, ekonomista fl-Università ta’ Vermont fl-Istati Uniti, qal li l-uniku żmien meta l-emissjonijiet jonqsu b’mod sinifikanti hu meta l-pajjiżi jmorru f’reċessjoni. Hu stqarr li dawn il-mumenti verament juru kemm l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma marbutin mat-tkabbir ekonomiku.
Dawn l-aħħar ġimgħat urew li meta tfaqqa’ kriżi, li teħtieġ tiġi indirizzata b’urġenza, il-pajjiżi fid-dinja jaġixxu malajr. Bl-istess argument, jekk verament inqisu l-bidla fil-klima bħala emerġenza, kif qed nittrattaw din il-pandemija, jeħtieġ li jkollna livell simili ta’ koordinament internazzjonali.
Filwaqt li heżżeż l-ekonomiji tal-pajjiżi kollha, il-Coronavirus wera biċ-ċar kemm il-komunità internazzjonali tingħaqad biex taġixxi. L-effetti fuq l-ekonomija u l-ambjent ukoll jiżvelaw ir-responsabbiltà kollettiva tagħna lkoll għall-emissjonijiet. Jekk nittraskuraw din ir-responsabbiltà ifisser li għad nesperjenzaw kriżijiet iżjed serji.
B’rata ta’ imwiet li qabżet il-50,000 persuna madwar id-dinja, il-Coronavirus għadu jidher inqas fatali minn sorsi ta’ enerġija li jniġġsu li, skont studju riċenti li sar fil-Fillandja, huma responsabbli għal 4.5 miljun mewta kaġunata mit-tniġġis fl-arja kull sena.
Ma rridx nallarma imma x-xjenzati qed iwissu li t-taqlib fit-temp qed iżid il-probabbiltà ta’ tixrid ta’ mard bħall-Coronavirus. Ħadd ma jaf kemm se jkun qattiel il-virus li jmiss!