Il-Parlament Ewropew adotta l-ewwel pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu fuq l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) b’499 voti favur, 28 voti kontra u 93 astensjonijiet qabel it-taħditiet mal-Istati Membri tal-UE dwar il-formulazzjoni finali tal-liġi. Ir-regoli se jiżguraw li l-IA żviluppata u użata fl-Ewropa tkun tikkonforma bis-sħiħ mad-drittijiet u l-valuri tal-UE, inkluż fir-rigward tas-sorveljanza mill-bniedem, is-sigurtà, il-privatezza, it-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-aspetti soċjali u ambjentali.

Prattiċi tal-IA li għandhom ikunu projbiti

Ir-regoli jsegwu stil ibbażat fuq ir-riskju u jistabbilixxu obbligi skont il-livell ta’ riskju li l-IA tista’ tiġġenera. Għalhekk, is-sistemi tal-IA b’livell mhux aċċettabbli ta’ riskju għas-sigurtà tal-bnedmin se jkunu pprojbiti. Il-MPE tawlu l-lista u issa saret tinkludi projbizzjonijiet fuq l-użi mill-IA li jkunu intrużivi u diskriminatorji, bħalma huma:

  • is-sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika mill-bogħod, kemm fil-“ħin reali”;
  • is-sistemi ta’ kategorizzazzjoni bijometrika li jużaw karatteristiċi sensittivi (pereżempju l-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, l-istatus ta’ ċittadinanza, ir-reliġjon u l-orjentament politiku);
  • is-sistemi ta’ policing predittiv (ibbażati fuq it-tfassil ta’ profil, il-lokalizzazzjoni jew l-imġiba kriminali fil-passat);
  • is-sistemi ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet fl-infurzar tal-liġi, fil-ġestjoni tal-fruntieri, fuq il-post tax-xogħol, u f’istituzzjonijiet edukattivi; kif ukoll
  • l-iscraping mhux immirat ta’ stampi tal-wiċċ mill-internet jew filmati tas-CCTV biex jinħolqu bażijiet tad-data tar-rikonoxximent tal-wiċċ (bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt għall-privatezza).

L-IA b’riskju għoli

Il-MPE żguraw li l-klassifikazzjoni ta’ applikazzjonijiet b’riskju għoli se tkun tinkludi s-sistemi tal-IA li jikkawżaw ħsara sinifikanti lis-saħħa, lis-sigurtà u lid-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll lill-ambjent. Is-sistemi tal-IA użati biex jinfluwenzaw lill-votanti u r-riżultati tal-elezzjonijiet u sistemi ta’ rakkomandazzjoni użati mill-pjattaformi tal-media soċjali (b’aktar minn 45 miljun utent) tniżżlu fil-lista tas-sistemi b’riskju għoli.

L-obbligi tal-IA bi skop ġenerali

Il-fornituri ta’ mudelli ta’ bażi, li huma żvilupp ġdid u li qed jevolvi malajr fil-qasam tal-IA, se jkollhom jevalwaw u jnaqqsu r-riskji possibbli u jirreġistraw il-mudelli tagħhom fil-bażi tad-data tal-UE qabel ma joħorġuhom fis-suq tal-UE. Is-sistemi tal-IA ġenerattiva bbażati fuq tali mudelli, bħal ChatGPT, se jkollhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ trasparenza (billi jindikaw li l-kontenut ġie ġġenerat permezz tal-IA) u jiżguraw salvagwardji biex ma jiġix iġġenerat kontenut illegali. Sommarji dettaljati tad-data protetta bid-drittijiet tal-awtur użata għat-taħriġ tagħhom ukoll iridu jkunu disponibbli għall-pubbliku.


L-appoġġ lill-innovazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini

Biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni fl-IA u jappoġġjaw lill-SMEs, il-MPE żiedu eżenzjonijiet għall-attivitajiet ta’ riċerka u għall-komponenti tal-IA pprovduti permezz ta’ liċenzji ta’ sors miftuħ. Il-liġi l-ġdida tippromwovi l-hekk imsejħa ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja, jew ambjenti reali, stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi biex isiru testijiet fuq l-IA qabel ma din tiġi rilaxxata.

Fl-aħħar nett, il-MPE jridu jagħtu spinta lid-dritt taċ-ċittadini li jressqu lmenti dwar is-sistemi tal-IA u jirċievu spjegazzjonijiet dwar deċiżjonijiet ibbażati fuq sistemi tal-IA b’riskju għoli li jaffettwaw id-drittijiet fundamentali tagħhom b’mod sinifikanti. Barra minn hekk, il-MPE rriformaw ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-UE, li se jkollu l-għan li jissorvelja kif il-ġabra ta’ regoli dwar l-IA se tkun qed tiġi implimentata.


Il-passi li jmiss

Issa, mil-llum, ser jibdew in-negozjati mal-Kunsill dwar il-formulazzjoni finali tal-liġi.