Inkejlu u nanalizzaw il-faqar
Ħafna nies, irrispettivament mill-istat soċjali tagħhom, għandhom stampa ċara ta’ xi jfisser li tkun fqir. L-aktar definizzjoni sempliċi, dik ta’ nuqqas ta’ flus, hi l-aktar waħda wżata. F’pajjiżna, li persuna jkollha dħul inqas mill-paga minima hi kunsidrata bħala fqira. Madankollu, hemm aktar aspetti importanti tal-faqar.
Ħafna pajjiżi, inkluż Malta jiddefinixxu linja nazzjonali tal-faqar, imfissra bħala d-dħul minimu meħtieġ biex wieħed jgħix. Peress li hemm implikazzjoni ġenerali tal-bżonn għal appoġġ mill-istat għal dawk li jaqgħu ‘l isfel mil-linja tal-faqar, il-mod kif inhu mfisser jista’ jkun dibattut u suġġett għal manipulazzjoni. Ovvjament hemm aktar modi ta’ kif wieħed ikejjel il-faqar, u dak li hu l-aktar użat biex iqabbel il-pajjiżi huwa l-Indiċi dwar l-Iżvilupp Uman tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan l-indiċi jgħaqqad il-ħajja tal-bniedem, l-edukazzjoni u d-dħul finanzjarju. Kejl aktar sofistikat hu l-Multi-Dimensional Poverty Index żviluppat mill-Oxford Poverty and Human Development Initiative u mniedi fl-2010 bl-appoġġ tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP).
Il-Kummissjoni għall-Iżvilupp Soċjali fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti tiddeskrivi l-faqar bħala fenomenu li għandu ħafna wċuh u li jkopri aspetti ekonomiċi, umani, politiċi, soċjo-kulturali u protettivi – bil-ġeneru jkun kwistjoni li jagħmel differenza. Globalment, mara x’aktarx iġġarrab aktar faqar mir-raġel. Id-definizzjoni wiesgħa tal-faqar turi li tkun fqir jolqot l-aspetti kollha tal-ħajja, fejn id-dinjita’umana u l-għajxien jkunu mkasbra. Id-definizzjoni wkoll tisħaq il-fatt li l-flus waħidhom mhux neċessarjament jeħilsu lin-nies mill-faqar.
Il-faqar għandu element spazjali, fejn in-nies li jgħixu f’zoni ġeografiċi partikulari – mifnija b’servizzi bażiċi – jistgħu jinqabdu f’morsi spazjali tal-faqar.
Il-faqar ukoll għandu element temporali. Għal xi nies, li tkun fqir hija sitwazzjoni temporanja kawżata minn fatturi lil hinn mill-kontroll tagħhom, li minnha huma jemmnu li huwa possibbli għalihom li jaħarbu minnha. Għal persuni oħrajn, li tkun fqir hu fatt tal-ħajja, sitwazzjoni kronika li ma jistgħux jgħaddu mingħajrha; tabilħaqq, il-fatturi strutturali li jżommuhom foqra jistgħu jkunu lil hinn mill-influwenza tagħhom biex jibdlu. Tali persuni huma spiss imfissra bħala dawk li qed jgħixu f’faqar kroniku, assolut jew estrem. Ġeneralment, hija kunsidrata sfida akbar biex wieħed iħejji interventi li jilħqu nies li huma kronikament foqra.