Infrastruttura li antika tas-snin ħamsin, u l-futur tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku
Cable difettuż f’Tas-Sliema installat fl-1955, transformer tal-1961 f’Ħaż-Żebbuġ u cable ieħor li kien tpoġġa fin-Naxxar fl-1958, kienu fost il-kawżi tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku is-sajf li għadda.
L-infrastruttura antika tal-qafas tad-distribuzzjoni tal-elettriku tfisser li sakemm ma jkunx hemm investiment qawwi, is-sitwazzjoni aktarx tmur għall-agħar kull darba li jkun hemm żieda fid-domanda għall-enerġija. Għalkemm wara l-fjask tal-qtugħ tad-dawl li seħħ fl-aħħar jiem ta’ Lulju, il-gvern kien wiegħed li jirdoppja n-nefqa għat-titjib fis-sistema ta’ distribuzzjoni għal €30 miljun, kien hemm kritika li dan huwa ftit wisq, tard wisq.
Il-kwistjoni tqajmet danl-aħħar fil-parlament mid-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li staqsa lill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli dwar il-kawżi wara l-qtugħ tad-dawl li seħħ fl-aħħar ġimagħtejn ta’ Lulju. Dan il-qtugħ li kien ikkawżat minħabba domanda rekord ikkawżata minn mewġa ta’ sħana, kien wassal biex eluf ta’ familji spiċċaw ibatu s-sħana waqt li kellhom oġġetti tal-ikel li kienu fil-friġġ u fil-friża. Is-sitwazzjoni laqtet supermarkets ewlenin li kellhom jarmu l-istokk tagħhom hekk kif spiċċaw bla dawl għal sigħat twal. Anke l-Isptar Mater Dei kien milqut wara li spiċċa fid-dlam għal 35 minuta wara li l-generators ma ħadmux.
Fit-tweġiba tagħha, il-ministru tal-enerġija nnutat li 90% tal-ħsarat kienu kkawżati minn ġonot tal-cables difettużi. Jirriżulta wkoll li f’medda ta’ ħmistax bejn is-17 u l-31 ta’ Lulju ġew irrappurtati madwar 100 ħsara. Filwaqt li xi wħud mill-ħsarat ġew attribwiti għal cables li kienu tqegħdu fis-snin 50 u 60 kien hemm numru sinifikanti ta każi, fejn ma ngħatat l-ebda raġuni għall-ħsara.
Barra minn infrastruttura qadima, il-kwistjoni kompliet tmur għall-agħar mill-minħabba ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni fl-aħħar għaxar snin minħabba l-influss ta’ eluf ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Minkejja twissijiet ripetuti minn ekonomisti u policy makers, il-gvern kompla għaddej b’din il-politika għax beda jħares biss lejn it-tkabbir ekonomiku. Madankollu, din il-politika qed tibda tħalli l-konsegwenzi fost indikaturi li l-infrastruttura ta’ Malta qed tikkrolla b’konġestjoni qawwija tat-traffiku, listi twal ta’ stennija fl-isptarijiet u l-prezz tal-propjetà li sploda.
Fil-proposti tagħha ta’ qabel il-baġit l-UHM Voice of the Workers qed titlob għal studju biex ikun magħruf x’għandha tkun il-popolazzjoni ta’ Malta sabiex jiġi stabbilit x’tip ta’ infrastruttura hi meħtieġa.