Inċentivi għall-kunsilli lokali biex jinkoraġġixxu l-akkwist ambjentali
Il-kunsilli lokali se jkunu inċentivati biex jiksbu oġġetti u servizzi skont il-kriterji ambjentali tal-akkwist pubbliku bħala parti mit-Tieni Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali marbut mal-akkwist pubbliku ambjentali li jkopri l-perijodu 2019-2025.
Dan tħabbar waqt sessjoni ta’ konsultazzjoni organizzata mill-MEUSAC u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Bidla fil-Klima fl-14 ta’ Jannar 2019.
L-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni huma biex jgħinu jipprovdu miri ċari u realistiċi sabiex jinkoraġġixxu l-akkwist pubbliku li jikkunsidra l-effetti ambjentali, iżid is-sehem tal-akkwist tal-Gvern fi prodotti ambjentali b’xi 90 fil-mija u fl-aħħar u mhux l-inqas biex iżid l-għarfien fost l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet kontrattwali.
Il-prodotti fil-mira nazzjonali u li jaqgħu taħt il-grupp mandatorju ta’ prodotti jinkludu karti għall-ikkuppjar u karta grafika, prodotti tal-ġnien, dwal tat-toroq u sinjali tat-toroq, trasport, disinn ta’ bini ta’ uffiċini, kostruzzjoni u l-immaniġġjar, servizzi ta’ ospitalita’ u tal-ikel. Hemm xi gruppi ta’ prodotti mhux mandatorji bħal vending machines.
Il-proposta ta’ l-akkwist ta’ servizzi għat-tisħiħ tal-għamara wkoll hi diskussa u mistennija li tkun imbuttata fuq livell nazzjonali.
Kien ukoll spjegat li l-fondi Ewropej wkoll jinkludu kriterji ambjentali u li dan il-pjan ta’ azzjoni mhux biss hu dwar offerti li jagħtu kas l-ambjent imma dwar wkoll l-proċess fl-għoti u l-akkwist.
L-awtoritajiet kontrattwali qed ikunu mitluba biex jassiguraw li meta jiġu biex jagħtu kuntratt, il-prodotti jew servizzi li qed ikunu provduti għandhom jimxu mar-regolamenti fl-akkwist pubbliku ambjentali.
Hemm ukoll differenza fir-regoli bejn ix-xiri u l-kiri ta’ prodott.
Bħala eżempju, jekk jinxtara trakk, dak it-trakk għandu jaqa’ taħt il-kategorija Euro 5 imma jekk it-trakk qed ikun mikri, dak it-trakk jista’ jkun wieħed Ewro 4. Madankollu, ma jfissirx li l-affarijiet jistgħu jinbidlu fil-futur f’termini ta’ kriterji u jsiru aktar ħorox.
Uħud mill-miri nazzjonali mandatorji huma pjuttost ambizzjużi. Per eżempju, miri relatati mat-trasport huma 80 fil-mija sal-2020.