In-normalità ġdida: il-COVID-19 jittestja t-teleworking madwar l-Unjoni Ewropea
Il-futur tax-xogħol wara l-COVID-19 jista’ jinbidel b’mod sinifikanti. Uħud jargumentaw li waħda mid-diversi vantaġġi tas-sitwazzjoni straordinarja preżenti li qed niffaċċjaw hi li l-virus ġab miegħu qabża fix-xogħol mid-dar.
Ix-xogħol permezz tal-internet ma kienx ikkunsidrat bħala prassi normali f’numru ta’ pajjiżi għal numru ta’ snin u bidla lejn miżuri favur il-familja reġgħu tfaċċaw f’dawn l-aħħar snin madwar l-Unjoni Ewropea.
Qabel l-imxija tal-COVID-19 ħafna employers setgħu ma kinux qed jesploraw b’mod sħiħ il-potenzjal tax-xogħol mid-dar. Minbarra l-fatt li huwa wieħed mill-aħjar miżuri favur il-familja li qatt jista’ jaħseb, għandu wkoll numru ta’ vantaġġi oħrajn jekk ikun trattat b’mod professjonali. Jiswa inqas għal min iħaddem, li jkollu l-ħaddiema jaħdmu permezz tal-internet filwaqt li jiffranka ħafna spejjeż tal-ivjaġġar u spejjeż biex ikunu organizzati laqgħat u ċertu avvenimenti minħabba l-fatt li dawn jistgħu wkoll isiru permezz tal-internet.
Meta wieħed iżomm dan f’moħħu, bl-istess mod li l-UE wieġbet għall-kriżi, tista’ wkoll tinżamm din ix-xejra li jibqa’ isir ix-xogħol mid-dar u jsiru pjani sabiex isir ix-xogħol bit-telework malli din il-burraxka tintemm. Wara kollox, il-mexxejja u l-Ministri tal-UE ukoll kellhom ħafna diskussjonijiet permezz tal-internet matul din il-pandemija.