Imwiet fuq il-postijiet tax-xogħol: Bżonn ta’ strateġija differenti
Il-mewt traġika ta’ raġel ta’ 57 sena minn Birkirkara timmarka l-għaxar fatalità fuq il-post tax-xogħol fl-2022, u l-21 mill-bidu tal-2021. Ħafna minn dawn l-imwiet setgħu ġew evitati peress li kienu jinvolvu ħaddiema li waqgħu mill-għoli.
Sfortunatament, jidher li qed jiżviluppa sens ta’ indifferenza u nuqqas ta’ kompassjoni fost perċezzjoni dejjem tikber li ma jista’ jsir xejn. Din is-sensazzjoni ġejja mis-sens ta’ frustrazzjoni li minkejja l-isforzi kollha li saru matul is-snin biex tissaħħaħ is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ċerti setturi tal-industrija tagħna għadhom lura u ftit li xejn hemm tama li l-affarijiet se jinbidlu.
It-tkabbir qawwi tal-industrija tal-kostruzzjoni fisser numru bla preċedent ta’ siti tal-bini u sfidi ġodda minħabba bini ferm ogħla u akbar li minnu nnifsu fisser riskji ferm akbar għall-ħaddiema. Barra minn hekk, l-influss ta’ ħaddiema barranin fl-industrija tal-kostruzzjoni għamel l-infurzar aktar diffiċli peress li qed ikun hemm l-abbużi. Il-ġrajja xokkanti ta’ Jaiteh Lamin li tħalla abbandunat mal-ġenb ta’ triq f’Selmun f’Ottubru tas-sena l-oħra hi xhieda ta’ dan.
F’intervista riċenti ma’ Times of Malta, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Mark Gauci qal li f’ċerti każi sabu ħaddiema li jużaw helmets tal-logħob tat-tfal, tagħmir biex jixxabbtu ta’ livell baxx u għalhekk perikoluż, u każ fejn persuna waħda kienet qed tissorvelja 500 sit f’daqqa. Problema ewlenija hija l-infurzar bin-numru ta’ kawżi pendenti fil-qorti li qabeż is-600. Jidher ċar, sakemm ikun hemm dan id-dewmien fil-qrati, l-OHSA se tkun bla snien.
It-triq ‘’il quddiem mhux faċli. Ovvjament, jeħtieġ li jkun hemm aktar riżorsi għall-OHSA u l-Aġenzija tal-Kostruzzjoni iżda ma jkunx realistiku li wieħed jistenna li r-regolaturi jkunu f’kull sit ta’ kostruzzjoni. Wasal iż-żmien jkun hemm strateġija differenti. Li tipprova ssolvi problema billi talloka l-flus mhux bilfors li taħdem.
Soluzzjoni li s’issa għadha ma ġietx esplorata hija li dawn il-ħaddiema jissieħbu f’union. Fil-preżent fis-settur tal-kostruzzjoni u sa ċertu punt fl-industrija tal-manifattura, ftit li xejn issib ħaddiema li huma membri ta’ union. Sħubija twassal biex ikun hemm standards ogħla ta’ sigurtà u vuċi iktar soda lill-ħaddiema biex jirrapurtaw ċerti nuqqasijiet. Fl-istess ħin tinfetaħ il-possibbiltà għal negozjar kollettiv b’mod settorjali, li hu għodda b’saħħitha kontra l-prekarjat. Fl-aħħar mill-aħħar, kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar jirriżultaw f’sitwazzjoni fejn igawdi kulħadd. Filwaqt li s-settur isir aktar attraenti u aktar ħaddiema jitħajru jaqbdu din il-linja, jogħla l-livell ta’ sigurtà. Dan il-pass kuraġġuż jista’ jkun li jkollu bżonn atteġġjament paternalistiku mill-Istat fosthom bi sħubija obbligatorja f’union. Wara biex in-numru ta’ nisa fil-Parlament jingħata spinta permezz tal-mekkaniżmu tal-kwota ma ddejjaqna xejn li jkun hemm atteġġjament paternalistiku. Jekk sħubija f’union se tirriżulta f’inqas telf ta’ ħajjiet fuq ix-xogħol, wasal iż-żmien li tkun kunsidrata bis-serjetà.