Iż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja kellha impatt sinifikanti fuq dawk li jaqilgħu l-paga minima f’Malta li l-valur tagħha naqas b’5.1%. Din ix-xejra inkwetanti ħarġet minn analiżi li saret mill-ETUC (il-Kunsill Ewropew tat-Trejdjunjins) fuq l-istatistika tal-Eurofound.

Jirriżulta li bejn it-tieni kwart (April-Ġunju) tal-2021 sal-istess perjodu ta’ din is-sena l-valur reali tal-pagi minimi statutorji madwar l-Ewropa naqas b’4.8%. L-agħar milquta kienu l-impjegati fil-Latvja bi tnaqqis ta’ 19.2% filwaqt li l-inqas impatt kien irreġistrat fi Franza fejn il-valur reali tal-paga minima naqas b’0.6% biss.

Għalkemm il-pagi minimi statutorji żdiedu b’medja ta’ 7.6% matul l-aħħar sena fil-21 pajjiż tal-UE fejn din teżisti bil-liġi, iż-żieda ġiet mitfija għal kollox mir-rata tal-inflazzjoni li żdiedet b’medja ta’ 12,4%. Għalhekk, kien hemm telf nett fil-valur reali fil-pajjiżi kollha li għandhom paga minima ħlief għal tlieta.

Din hi biss it-tieni darba mill-2000 li t-tkabbir fil-pagi minimi reali niżel taħt iż-żero u dan it-tnaqqis huwa konsiderevolment ogħla – fl-eqqel tal-awsterità fl-2012, it-tkabbir reali fil-pagi minimi kien -0.7%.

Il-pagi minimi statutorji reali naqsu bl-aktar mod drammatiku mis-sajf li għadda fil-Latvja (-19%), iċ-Ċekja u l-Estonja (-10%), u s-Slovakkja (-8%).

Dawn l-iżviluppi aggravaw bil-kbir il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema b’paga minima madwar l-Ewropa, li ħafna drabi diġà ma setgħux ilaħħqu. Diġà qabel ma bdiet il-kriżi tal-għoli tal-ħajja, kważi ħaddiem wieħed minn kull għaxra fl-UE kien f’riskju ta’ faqar u 7 minn kull 10 ħaddiema bil-paga minima rrappurtaw diffikultà biex ilaħħqu mal-ħajja.

CountryMinimum wage growth %Inflation %Change to real wage %
Latvia019,2-19,2
Czechia6,516,6-10
Estonia11,922-10
Slovakia3,612,6-8,9
Lithuania13,720,5-6,7
Poland7,514,2-6,7
Ireland2,99,6-6,6
Netherlands3,29,9-6,6
Slovenia4,910,8-5,8
Bulgaria9,214,8-5,5
Luxembourg5,010,3-5,2
Malta0,96,1-5,1
Spain5,210-4,7
Portugal6,09-2,9
Romania10,813-2,1
Greece9,611,6-1,9
Croatia10,212,1-1,8
France5,86,5-0,6

L-analiżi mill-ETUC ġiet ippubblikata qabel il-vot finali dwar id-direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-UE fil-Parlament Ewropew. L-ETUC qalet li l-kriżi tal-għoli tal-ħajja għamlet id-direttiva saħansitra aktar meħtieġa filwaqt li saħqet li l-Istati Membri m’għandhomx jistennew sentejn sakemm jittrasponu d-direttiva.

Id-Direttiva se tfisser li:

  • L-Istati Membri se jkollhom jivverifikaw l-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji filwaqt li jqisu s-saħħa tal-pagi u l-għoli tal-ħajja;
  • Dmir fuq l-istati membri biex jippromwovu n-negozjar kollettiv u jiġġieldu kontra l-imminar tal-unions u f’pajjiżi fejn in-negozjar kollettiv hu taħt it-80%  (bħal Malta) jitfassal pjan ta’ azzjoni biex jissaħħaħ in-negozjar kollettiv;
  • It-tisħiħ tal-involviment tat-trejdjunjins fit-twaqqif u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji;
  • Rekwiżit għall-kumpaniji li jirċievu kuntratti ta’ akkwist pubbliku biex jirrispettaw id-dritt ta’ organizzazzjoni u negozjar kollettiv f’konformità mal-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO.