Il-vaċċin tal-COVID-19: Bżonn li l-UE twieġeb b’għaqda u solidarjetà
Il-Membri Parlamentari Ewropej esprimew appoġġ wiesgħa għal strateġija komuni tal-UE għall-ġlieda kontra l-pandemija u talbu għal trasparenza sħiħa rigward il-kuntratti u l-użu tal-vaċċini COVID-19.
Fid-dibattitu plenarju li sar nhar it-Tlieta, il-MPE skambjaw fehmiet ma’ Ana Paula Zacarias, Segretarja tal-Istat Portugiża għall-Affarijiet Ewropej, u Stella Kyriakides, Kummissarju tal-UE għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel.
Maġġoranza kbira ta’ MPE esprimew l-appoġġ tagħhom għall-mod li l-UE qed żgura li t-tilqim qed jiġi żviluppat malajr u waqt li tassigura aċċess għat-tilqim għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Fl-istess ħin, iddeploraw “in-nazzjonaliżmu tas-saħħa”, inklużi allegati kuntratti paralleli ffirmati mill-istati membri jew tentattivi biex jikkompetu ma’ xulxin. Sabiex tilqa’ l-istorja ta’ suċċess Ewropea, L-UE jeħtieġ li żżomm front wieħed u solidali bil-livelli kollha tal-gvern jaħdmu flimkien biex tibqa’ tkun storja ta’ suċċess, il-MPE qalu.
Huma talbu biex it-termini tal-kuntratti bejn l-UE u l-kumpaniji farmaċewtiċi li jinvolvu l-flus pubbliċi jkunu kompletament trasparenti. Sforzi riċenti mill-Kummissjoni, biex tippermetti lill-MPE jikkonsultaw kuntratt wieħed li ma kienx komplut, kienu deskritti bħala mhux biżżejjed. Il-MPE tennew li trasparenza sħiħa biss tista’ tgħin fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u tibni fiduċja fil-kampanji ta’ tilqim madwar l-Ewropa.
Il-kelliema rrikonoxxew ukoll id-dimensjoni globali tal-pandemija COVID-19, li teħtieġ soluzzjonijiet globali. L-UE għandha r-responsabbiltà li tuża l-pożizzjoni ta’ saħħa tagħha biex tappoġġa lill-ġirien u l-imsieħba l-aktar vulnerabbli tagħha. Il-pandemija tista’ tingħeleb biss ladarba n-nies kollha jkollhom aċċess ugwali għall-vaċċin, mhux biss f’pajjiżi sinjuri, żiedu l-MPE.
Fid-dibattitu kienu diskussi wkoll kwistjonijiet oħra, bħall-ħtieġa għal informazzjoni nazzjonali komparabbli u rikonoxximent reċiproku tat-tilqim, il-ħtieġa li jiġi evitat id-dewmien u t-tilqim jieħu inqas żmien, kif ukoll in-natura mhux kostruttiva ta’ dawk li qed iwaħħlu fl-UE jew l-industrija farmaċewtika għal kwalunkwe falliment.