Il-qagħda tal-unjins u l-awtonomija tagħhom
Kull unjin li trid tkun ta’ servizz għall-membri tagħha ma trid tħares lejn wiċċ ħadd waqt li tagħmel ħilitha biex tkun awtonoma. Jekk dan ma jkunx il-każ, ma jkollhiex rieda ħielsa b’riżultat li tkun imxekkla fl-azzjonijiet li tista’ tieħu. Madankollu, fil-kuntest Malti mhux faċli l-unjin tkun kompletament ħielsa u ma tiddependi minn ħadd.
Id-dħul finanzjarju mis-sħubija tal-membri huwa pjuttost limitat minħabba l-fatt li s-suq tax-xogħol f’Malta huwa limitat għal 230,000 li kwart minnhom huma barranin. Tradizzjonalment, il-barranin ma tantx għandhom it-tendenza li jissieħbu f’unjin minħabba li l-impjieg tagħhom jista’ jkun temporanju jew għax jibżgħu li mossa bħal din tista’ turta lil min iħaddimhom sal-punt li l-permess tax-xogħol tagħhom ma jkunx imġedded.
Barra minn hekk, unjins li jħaddnu membri minn setturi varji u mhux minn qasam wieħed speċjalizzat, għandhom l-ispejjeż tal-istaff u l-uffiċċji tagħhom. Min naħa l-oħra unjins speċjalizzati fis-settur pubbliku li jirrappreżentaw il-ħaddiema f’dak il-post partikolari biss m’għandhomx din l-ispiża.
Għalhekk, meta wieħed jibda jifli s-sitwazzjoni Maltija jirrealizza li awtonomija totali mill-Gvern hi kważi impossibbli. Biżżejjed wieħed jikkunsidra l-fatt li meta ħaddiema mis-settur pubbliku li jingħaqdu bħala impjegati full-time ta’ unjin, is-salarju tagħhom jibqa’ jinħareġ mill-gvern għax dawn ikunu mislufa mill-Istat Filwaqt li dan jista’ jidher bħala xenarju ideali u perfett għal pajjiżi fejn it-trejdjunjins ftit li xejn għandhom saħħa, fil-verità hi xafra li taqta’ miż-żewġ naħat. Jekk il-gvern jiddeċiedi li jirrevedi din il-prassi jista’ jkun hemm impatt finanzjarju negattiv fuq il-unjin, minħabba li l-pagi huma waħda mill-akbar nefqiet rikorrenti. Id-deċiżjoni unilaterali reċenti tal-Gvern li jnaqqas in-numru ta’ impjegati li jista’ jislef minn entità tal-Istat għal ma’ unjin, bi 12.5 fil-mija, ma tawgura xejn tajjeb f’dan ir-rigward.
Barra minn hekk, il-gvern jikkontrolla wkoll il-finanzjament taħt programmi u inizjattivi tal-UE, li jista’ jkun sors ewlieni ta’ dħul fuq proġetti speċifiċi. Dan huwa dovut għall-fatt li tali għotjiet, ħafna drabi huma taħt ir-responsabbiltà ta’ entitajiet tal-Istat.
It-tielet xenarju, li bih id-deċiżjonijiet tal-gvern ukoll jinfluwenzaw ħafna lill-unjins huwa l-proċess ta’ rikonoxximent f’entitajiet ta’ l-Istat li huwa aspett kruċjali fil-missjoni tagħhom biex iżidu l-membri. Jekk unjin ma jkollhiex l-għarfien uffiċjali f’post tax-xogħol ikun diffiċli ħafna li tagħmel negozjati fuq ftehim kollettiv.
Dan kollu juri li anke jekk unjin jirnexxielha tkun finanzjarjament awtonoma, hemm aspetti oħra li fuqhom xorta waħda trid tistrieħ fuq il-gvern. Għalhekk sitwazzjoni bħal din titlob mekkaniżmu biex jirregola dak kollu msemmi hawn fuq f’konformità mal-prinċipju li d-djalogu soċjali jista’ jkun suċċess biss jekk it-tliet elementi ewlenin – gvern, min iħaddem u unjins – ikunu fl-istess livell u mhux wieħed jiddependi mill-ieħor.