Fl-istess jum tal-10 anniversarju mindu t-taqsima għall-fondi tal-MEUSAC twaqqfet, nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru, tħabbar li l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u d-Dipartiment  tad-Dwana bbenefikaw minn total ta’ €1,463,345 f’fondi tal-UE wara li l-MEUSAC daħal biex joffri l-assistenza tiegħu fil-proċess tal-applikazzjoni. 

Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ngħata l-fondi taħt il-programm għall-fondi Hercule III u se jkun qed jagħmel użu mill-fondi sabiex jixtri software ħalli jiffaċilita l-prevenzjoni u l-investigazzjoni tar-reati ekonomiċi. Il-Korp ukoll se jixtri hardware – Sistema Awtomatika għar-Rikonoxximent  tal-Pjanċi tar-Reġistrazzjoni (ANPRS) – biex jipprevjeni u jiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn fid-dawl tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea, partikularment fl-operati bejn fruntiera u oħra. Il-proġett ukoll jinkludi t-taħriġ tal-uffiċjali tal-pulizija biex jużaw kemm is-software kif ukoll il-hardware. 

Il-valur tal-proġett abbinat mas-software hu ta’ €1,097,150 filwaqt li l-ammont allokat għall-hardware hu ta’ €136,195. 

Sadattant, id-Dipartiment tad-Dwana ngħata €230,000. Il-proġett jinvolvi t-tisħiħ tal-mobile x-ray tunnels tad-Dipartiment sabiex isaħħaħ kemm il-kapaċita’ operattiva kif ukoll dik teknika biex jinqabdu affarijiet li jiddaħħlu bil-kutrabandu jew foloz, billi jimmira għal ħidmiet ta’ kontroll, b’funzjoni addizzjonali għall-iskennjar ta’ bagalji personali u pakketti kummerċjali f’diversi postijiet, l-aktar fl-ajruport, f’diversi portijiet, fl-uffiċċju postali tal-pakketti u fil-bini tan-negozjanti. 

Il-fondi wkoll se jkunu allokati għat-taħriġ ta’ uffiċjali tad-dwana. Il-proġett jimmira li jżid fil-kapaċita’ tat-tiftix tad-dwana kif ukoll fis-sejbien u l-qabda b’40 fil-mija u 15 fil-mija rispettivament. 

Il-MEUSAC għen lill-NGOs, kunsilli lokali u entitajiet biex jiksbu aktar  minn €47 miljun f’fondi tal-UE fuq perijodu ta’ 10 snin.