Il-President tal-PE tibda l-proċedura biex titneħħa l-immunità ta’ żewġ MPE
Il-President Metsola nediet proċedura urġenti għat-tneħħija tal-immunità ta’ żewġ Membri tal-Parlament Ewropew, wara talba mill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani.
Filwaqt li l-ewwel passi proċedurali ittieħdu, i-President se tħabbar it-talba fil-plenarja fl-ewwel opportunità possibbli jiġifieri fis-16 ta’ Jannar. It-talba mbagħad tiġi riferuta lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI) għal proposta għal deċiżjoni.
“Mill-ewwel mument il-Parlament Ewropew għamel dak kollu li jista’ biex jassisti fl-investigazzjonijiet u se nkomplu niżguraw li ma jkunx hemm impunità. Dawk responsabbli se jsibu dan il-Parlament fuq in-naħa tal-liġi. Il-korruzzjoni ma tistax tkun sors ta’ qligħ u se nagħmlu minn kollox biex niġġielduha”, qalet il-President Metsola.
Il-President Metsola se tħabbar l-intenzjonijiet tagħha għal riformi fil-ġimgħat li ġejjin, inkluż reviżjoni tar-regoli attwali u titjib tas-sistemi interni, inkluż dwar l-infurzar.
Proċedura għat-tneħħija tal-immunità
Kif previst fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (Artikolu 6 u Artikolu 9), it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jitħabbru mill-President fil-Plenarja u mbagħad jiġu riferuti lill-Kumitat kompetenti (Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI)). Dan il-Kumitat jaħtar rapporteur u l-każijiet jiġu ppreżentati f’laqgħa tal-kumitat biex ikun jista’ ssir smigħ.
L-abbozz tar-rapport se jiġi diskuss u vvutat fil-JURI. Il-kumitat jadotta rakkomandazzjoni għall-Parlament kollu biex japprova jew jiċħad it-talba. Il-każijiet kollha tal-immunità huma kkunsidrati in camera.
Ir-rakkomandazzjoni mbagħad tiġi sottomessa lill-Plenarja. Jekk tiġi adottata mill-Plenarja (maġġoranza sempliċi), il-President jikkomunika minnufih id-deċiżjoni tal-Parlament lill-Membru(i) konċernat(i) u lill-awtorità nazzjonali kompetenti.
Il-President talbet lis-servizzi u lill-kumitati kollha biex jagħtu din il-proċedura prijorità bil-ħsieb li tiġi konkluża sat-13 ta’ Frar 2023.