Il-President Metsola b’solidarjetà mal-vittmi tal-attakki terroristiċi f’Iżrael
Diskors tal-President Metsola fil-mument solenni b’solidarjetà mal-vittmi tal-attakki terroristiċi f’Iżrael.
“Grazzi lilkom kollha talli qegħdin hawn illum. Naf kemm dan ifisser għal nies f’Iżrael li ġarrbu l-agħar attakk terroristiku f’ġenerazzjonijiet.
Jien kburija li qiegda hawn illum ma’ tant minnkom. Il-preżenza tagħna hawn – barra l-Parlament Ewropew – hija sinifikanti. Il-laqgħa tagħna li saret fl-Agora ta’ Simone Veil hija simbolika. Il-vuċi tagħna hija importanti. U l-pożizzjoni b’saħħitha tagħna kontra t-terroriżmu hija kruċjali.
Is-7 ta’ Ottubru huwa jum iswed fl-istorja tad-dinja. Id-dinja rat lil Lhud jinqatlu sempliċement għax kienu Lhud. Għal darb’oħra. F’Iżrael.
Qegħdin hawn mal-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u intom ilkoll – ilkoll flimkien – biex nesprimu s-solidarjetà tagħna, biex nikkundannaw l-atti terribbli ta’ terrur u qtil u biex nitolbu l-ħelsien immedjat tal-ostaġġi.
L-Ewropa tinsab lesta li tgħin fir-riżoluzzjonijiet, imma għidtha qabel u ta’ min nirrepeti – M’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għat-terroriżmu.
Il-Ħamas hija organizzazzjoni terroristika. Ma jirrappreżentawx l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan. Ma joffrux soluzzjonijiet. Huma joffru tixrid tad-demm.
Se nitkellem ċar. Fis-7 ta’ Ottubru l-Ħamas qatel aktar minn 1,000 tarbija innoċenti, tfal, nisa u rġiel u għadu jżomm qrib 100 ostaġġ ieħor. Huma fetħu n-nar fuq mijiet ta’ żgħażagħ f’avveniment mużikali, u qatlu b’mod indiskriminat – inklużi ċittadini tal-UE. Ħatfu tfajliet u subien. Ħadu anzjani li għexu l-Olokawst u kaxkruhom minn djarhom. Ħarġu jduru bil-katavri fit-toroq daqs li kieku kienu xi trofej.
Irridu nkunu ċari dwar dak li qed nitkellmu: dan huwa t-terrur fl-agħar forma tiegħu.
Ambaxxatur Regev, grazzi talli kont hawn illum. Din hija l-Ewropa. Aħna qegħdin miegħek.
U issa nitlobkom ilkoll timmarkaw mument ta’ silenzju biex tiftakru fil-vittmi.”
Tista’ tara l-mument solenni hawn.