Il-politika qiegħda hemm biex isservi
Nemmen li hemm tliet raġunijiet għaliex persuna għandha toħroġ għall-politika minkejja l-inklinazzjoni ta’ xi wħud li jitbiegħdu minnha.
F’kull pajjiż, hemm diversi modi biex isservi lin-nies imma wieħed mill-aqwa modi hu li tkun rappreżentant politiku għall-poplu li jeleġġik. Tista’ tilħaq lil ħafna nies, tismagħhom u tieħu inizjattivi biex tavvanza l-interessi tagħhom. Bħala rappreżentant tal-poplu, il-vuċi tal-politiku tista’ titkellem għall-komunità jew il-pajjiż kollu. Bla dubju, jista’ jiġi jargumentat li hemm diversi karrieri oħrajn li wieħed jista’ jieħu jew attivitajiet ċiviċi li wieħed jista’ jwettaq biex iservi lil ħaddieħor. Imma anki dawn l-inizjattivi huma affettwati mid-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-politiċi peress li l-politiċi jfasslu u jagħmlu l-policies.
Il-politiku mhux biss jirrappreżenta lin-nies, imma wkoll għandu opportunità li jsib soluzzjonijiet biex jgħin lill-pajjiż. Ir-rappreżentazzjoni politika, allura tista’ tkun att ta’ patrijottiżmu. Meta tħobb lil pajjiżek, x’aktarx li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tan-nazzjon b’qalb miftuħa. Ċertament li aħna nistgħu mmexxu ‘l pajjiż ‘il quddiem f’kull settur li naħdmu fih, iżda xi ngħidu għall-kontribuzzjonijiet li jistgħu jsiru mill-arena politika?
L-aħbarijiet negattivi dwar il-korruzzjoni u t-taqlib politiku huma abbundanti f’pajjiżna. Imma minkejja dan, il-politika m’għandhiex tiġi deskritta bħala xi ħaġa totalment maħmuġa. Jekk nies onesti u edukati, li jkunu mogħnija b’ħafna ħiliet u talenti, jitbiegħdu mill-politika, taħsbu li pajjiżna jitmexxa u jiġi fdat f’idejn nies tajbin? Aktar ma jkun hemm nies edukati u kuraġġużi li jidħlu fil-politika, aktar tkun il-ġlieda kontra politiċi diżonesti u korrotti. Jekk irridu nġibu bidla fil-mod kif tissawwar il-politika llum, nistgħu nagħmlu dan billi nkunu nvoluti.
Probabbilment dawk il-persuni li għandhom aspirazzjonijiet politiċi x’aktarx li jiġu skoraġġiti mill-familja jew mill-ħbieb biex jieħdu din it-triq. Minħabba d-diversi episodji li għaddejna minnhom f’dawn l-aħħar snin, hemm it-tendenza li wieħed iwarrab il-karriera politika. Ħafna ġenituri ma jridux li uliedhom isiru politiċi. Imma jekk nagħżlu li nitbiegħdu mill-politika aħna, flimkien mal-familji tagħna, se nkunu affettwati għax fl-aħħar mill-aħħar ma nistgħux naħarbu mill-impatt li l-politika tħalli fuq ħajjitna.
Kull triq tal-karriera għandha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha. Iżda li jgħodd hu li meta wieħed ikun politiku jkun qed iservi lin-nies li jimpurtah minnhom kif ukoll lill-pajjiż li jħobb. Ta’ min infakkru li l-bidla tibda sseħħ meta lkoll kemm aħna nibdew inbidlu. Għaldaqstant Voice of the Workers jinkoraġġixxi lil kulmin huwa ta’ rieda tajba biex bla biża’ u favuri jservi lill-poplu u lill pajjiż fil-ġejjieni.