“Il-pensjonijiet tat-tieni pilastru messhom ġew introdotti 15-il sena ilu” – il-Prof. Roderick Pace
“Il-pensjonijiet tat-tieni pilastru messhom ġew introdotti 15-il sena ilu”. Hekk stqarr il-Prof. Roderick Pace, mill-Istitut għall-Istudji Ewropej, f’intervista dwar ir-rapport mill-Kummissjoni Ewropea dwar rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri (CSRs), fosthom Malta.
Ir-rapport isemmi s-sostenibbilta’ tal-pensjonijiet u meta ġie mitlub jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-pensjonijiet f’Malta, il-Professur Pace fissirhom li huma “tad-daħk”. Hu jgħid li hemm diskriminazzjoni qawwija fil-pajjiż bejn dawk li kienu kapaċi jinnegozjaw, u allura ħasbu biex ikollhom pensjoni adekwata, u l-massa ta’ ħaddiema, li ma kellhomx vuċi, u s-saħħa tan-negozjati, li baqgħu jirċievu “l-loqom” tant li mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Mistoqsi jekk jaqbilx mal-proposta ta’ UĦM Voice of the Workers dwar il-pensjonijiet tat-tieni pilastru, il-Professur Pace qal li hu favur tagħhom tant li hu saħaq li dawn messhom ġew introdotti snin ilu. Hu stqarr li “l-membri parlamentari rranġaw il-pensjoni tagħhom u ma jimpurtahomx jekk jagħmlu s-snin jiddiskutu kif għandha tkun il-pensjoni tal-kumplament tan-nies”.
Il-Professur Pace qal li skemi ta’ tfaddil m’għandhomx jibdew meta l-problemi jiġu fuq rasek imma “meta tintebaħ bl-ewwel tumbata għandek taġixxi.”
Intant fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea, fost oħrajn, appellat lil Malta sabiex issaħħaħ l-isforzi tagħha kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Il-Professur Pace qal li għandu jkun id-dmir naturali tal-Gvern li jaċċerta ruħu li l-istituzzjonijiet ikunu qed jaħdmu sew u jekk ikun hemm xi laxkezzi għandu jikkumbattihom.
Il-fatt li dan l-appell ġie pubblikat f’rapport bħal dan għandu jixgħel bozza li fid-dinja tal-media, fejn kulma jiġri qed jinxtered ma kullimkien, tali kwistjonijiet m’għandhomx ikunu mistura. Ir-reputazzjoni ta’ kull ekonomija tieħu ħafna żmien biex tinbena imma tista’ tintilef f’ħakka t’għajn. Issa f’Malta nġieb ħafna xogħol u ġew nies li jiddependu fuq ċertu investimenti. Dan minħabba li, għal ħafna snin, żammejna reputazzjoni għolja ta’ servizzi tajbin u ta’ riżorsi umani professjonali. Jekk bil-mod il-mod nimxu lura bħal granċ għal kultura ta’ ‘ħawwad u fixkel’ jew li ‘kollox jgħaddi’, se nispiċċaw biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna titħassar. Għaldaqstant irridu nibżgħu għaliha.
Madankollu r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jindika li hemm numru ta’ affarijiet li sejrin tajbin. Voice of the Workers jisħaq li dawn l-affarijiet jissoktaw b’ritmu tajjeb u jekk l-ekonomija tmur lura minħabba xi fatturi li m’għandniex kontroll fuqhom allura naraw x’nagħmlu biex nirrimedjaw għalihom.
Intant il-Kummissjoni Ewropea esprimiet t-tħassib tagħha li kumpaniji multinazzjonali kbar jistgħu jisfruttaw ir-reġim fiskali ta’ Malta. Il-Professur Pace stqarr li dan hu ħażin għal pajjiżna u ħażin għall-istati membri fl-Unjoni Ewropea li qed jikkontribwixxu għall-budget tal-UE u li qed jitilfu ħafna flus minħabba l-makakkerija tal-kumpaniji multinazzjonali li jevadu t-taxxa. Hu fisser li l-politika fiskali ta’ Malta tbati ħafna meta jkun hemm reċessjoni u allura l-Gvern ikollu jonfoq iżjed. Jista’ jkun li s-sistema fiskali tagħna ma trendix, jew tkun dgħajfa u allura din hi xi ħaġa li rridu nikkoreġu.
Ir-rapport jitkellem ukoll dwar il-kontribut tas-sigurta’ soċjali li ta’ pajjiżna, bħala medja, hu nofs tal-kumplament tal-medja tal-kumplament tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Dan hu importanti meta nitkellmu fuq id-demografija ta’ Malta fejn il-popolazzjoni qed tgħix iżjed u fejn l-oqsma tas-Saħħa u l-Edukazzjoni qed iżidu l-piż finanzjarju.
Il-Professur Pace jikkontendi li l-pagi mhumiex qed jiżdiedu, anzi qed jaqgħu lura. Hu qal ukoll li hemm problema oħra, u li tissemma fir-rapport, jiġifieri l-inflazzjoni qawwija fil-qasam tal-Housing, partikularment fil-kiri tad-djar u fix-xiri tagħhom. “Dawn huma affarijiet li, simultanjament, fi żmien ta’ abbundanza jridu jiġu trattati”, sostna l-Professur Pace.