Jekk ikollu problema fuq ix-xogħol, ħaddiem Għawdxi  jippreferi jinqeda għand xi deputat jew il-Ministeru milli jirrikorri għand union. Din hi l-idea ġenerali ta’ ħafna residenti u ħaddiema Għawdxin dwar it-trade unions. 

Ħaddiema Għawdxin li tkellmu ma’ Voice of the Workers fissru li peress li l-gżira hi żgħira,  insulari u kulħadd jaf lil kulħadd, il-ħaddiema Għawdxin isibuha iżjed faċli li jmorru sal-Ministeru jew ikellmu xi deputat parlamentari biex isolvu l-problemi tagħhom dwar ix-xogħol.  

F’Għawdex għadha ma daħlitx il-mentalita’ li fl-għaqda hemm is-saħħa u li permezz ta’ union tista’ tiġġieled biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tiegħek. Xi darba, meta l-qasam tal-manifattura f’Għawdex kien b’saħħtu fis-Sebgħinijiet, il-unions kienu popolari u meħtieġa għall-Għawdxin. 

Illum min ma jirranġax, u l-każijiet huma ftit, jispiċċa biex ikollu jidħol f’union ħalli jsib l-għajnuna u jingħata servizz. L-affarijiet qishom qed jiċċaqilqu u l-UĦM Voice of the Workers qed tkabbar is-sħubija tagħha minn fost l-Għawdxin minħabba kwistjonijiet li żviluppaw fost ħaddiema Għawdxin li partikularment jaħdmu fil-qasam tat-trasport bejn iż-żewġ gżejjer u dawk li jaħdmu ma’ kumpaniji tas-sigurta’.  

Dan għax il-union tista’ tkun it-tarka tagħhom sabiex iġġibilhom ftehim  kollettiv aħjar b’kundizzjonijiet ta’ xogħol u pagi aħjar. Anki s-sħubija f’union minn ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed tiżdied peress li hemm il-biża’ mill-Privat u dwar il-futur tagħhom fid-dawl tas-saga dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. 

Madankollu, f’Għawdex għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni ta’ x’kapaċi tagħmel union b’risq il-ħaddiema Għawdxin. Għaldaqstant l-edukazzjoni u t-taħriġ huma kruċjali biex jiftħu l-imħuħ.  

Intant il-ħaddiema Għawdxin, membri f’UĦM Voice of the Workers, jafu fiċ-ċert x’servizzi impekkabbli tagħti din il-union lil min ifittixhom.