Il-PBS kieku jirraporta fuq il-PBS?
Ix-xandir pubbliku fir-Renju Unit, il-BBC, dan l-aħħar kien f’nofs kontroversja wara d-deċiżjoni li jissospendi lil Gary Lineker għax intqal li kiser il-linji gwida tal-istazzjon dwar l-użu tal-midja soċjali. L-inċident inqala’ wara tweet li fih l-eks futboler qabbel il-politika tal-gvern Ingliż dwar l-immigrazzjoni ma’ dik tal-Ġermanja Nażista.
Filwaqt li l-iskop ta’ dan l-editorjal mhuwiex li wieħed jidħol fil-mertu jekk il-BBC mexiex tajjeb, hemm ħafna lezzjonijiet x’nitgħallmu dwar kif ix-xandir pubbliku għandu jġib ruħu f’sitwazzjonijiet delikati bħal dawn. Wieħed jista’ jargumenta li ċ-ċirkustanzi qajmu suspetti li dan kollu seta’ kien motivat politikament bis-swaba’ jkunu ippuntati lejn il-Partit Konservattiv fil-gvern. F’dan ir-rigward jista’ jkun hemm paralleli mas-sitwazzjoni f’Malta fejn il-PBS qed jiffaċċja wkoll kritika kontinwa ta’ indħil mil-gvern.
Madankollu, il-paraguni mas-sitwazzjoni f’Malta ma jreġux iktar minn hekk. Tul is-saga ta’ Gary Lineker, il-BBC iddistinga ruħu bil-mod kif irrapporta dwaru nnifsu. Ma kien hemm l-ebda tentattiv biex tinħeba l-istorja jew li jintużaw ir-riżorsi tal-istazzjoni biex jibbumbardjaw lit-telespettaturi rappurtaġġ partiġjan biex jippruvaw idawru l-istorja kif jaqblilhom. Mhux talli hekk talli fuq il-portal tal-BBC kienet l-aktar storja moqrija, b’kummentarju kontinwu dwar l-aħħar żviluppi. Barra minn hekk, ir-rappurtaġġ kien jinkludi kummenti mil-kamp politiku, li kienu kritiċi ħafna fuq il-BBC. Id-direttur ġenerali tal-BBC deher fuq l-istazzjon, iżda mhux biex jiġġustifika l-azzjoni tiegħu, iżda pjuttost biex iwieġeb mistoqsijiet iebsa u skomdi mill-ġurnalisti tal-BBC stess.
Għalina f’Malta il-mod kif il-BBC News ikopri storja kbira fuqu stess – speċjalment meta l-korporazzjoni tidher li tinsab fi kriżi – jista’ jidher kemmxejn surreali. Immaġinaw li dan jiġri fil-PBS. Timmaniġġjaw sitwazzjoni analogu f’Malta, jew dawk involuti kieku kienu jużaw l-istazzjon biex isalvaw wiċċhom?
B’xi mod jidher surreali li l-ġurnalisti qed jirrappurtaw dwar l-azzjonijiet tal-kapijiet u l-kollegi tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġurnalisti tal-BBC News jittrattaw lill-BBC bl-istess mod bħal kull organizzazzjoni oħra li jirrapurtaw. Għal darb’oħra, diffiċli nimmaġinaw ġurnalisti mill-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS jiġru biex jieħdu l-kummenti tal-bieb tal-kapijiet tagħhom stess. M’aħniex nippuntaw subgħajna imma qed nagħmlu l-punt dwar dak li verament jinvolvi meta tgħid li tkun imparzjali.
Il-fatti jitkellmu ferm iktar mis-slogans. Jekk irridu tassew li x-xandir nazzjonali tagħna jkun kredibbli, din hija t-triq li għandna quddiemna. Inkella, dan jibda dominju assolut tal-gvern tal-ġurnata. L-argument japplika wkoll għal djar tal-midja indipendenti, li jpinġu lilhom infushom bħala xempji ta’ rappurtar ġust u imparzjali. Il-kredibbiltà hija importanti u kif, iżda din għandha timxi id f’id mar-responsabbiltà u t-trasparenza.