Wara l-atroċitajiet imwettqa mir-reġim ta’ Vladimir Putin kontra ċ-ċivili Ukraini, il-MPE irrikonoxxew lir-Russja bħala stat li jappoġġa t-terroriżmu.

Nhar l-Erbgħa, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-aħħar żviluppi fil-gwerra brutali tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-MPE jenfasizzaw li l-attakki u l-atroċitajiet intenzjonati mwettqa mill-forzi Russi u l-prokuri tagħhom kontra ċ-ċivili fl-Ukrajna, il-qerda tal-infrastruttura ċivili u ksur serji oħra tal-liġi internazzjonali u umanitarja jammontaw għal atti ta’ terrur u jikkostitwixxu delitti tal-gwerra. Fid-dawl ta’ dan, huma jirrikonoxxu lir-Russja bħala stat li jappoġġa t-terroriżmu u bħala stat li “juża l-mezzi ta’ terroriżmu”.


Hemm bżonn ta’ qafas legali tal-UE

Peress li l-UE bħalissa ma tistax tinnomina uffiċjalment lill-istati bħala sponsors tat-terroriżmu, il-Parlament jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jistabbilixxu l-qafas legali xieraq u jikkunsidraw li jżidu lir-Russja fuq tali lista. Dan iwassal għal għadd ta’ miżuri restrittivi sinifikanti kontra Moska u jkollu implikazzjonijiet restrittivi profondi għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja. Sadanittant, il-MPE jappellaw lill-Kunsill biex jinkludi l-organizzazzjoni paramilitari Russa ‘il-Grupp Wagner’, il-141 Reġiment Speċjali bil-Motorizzat magħruf ukoll bħala l-“Kadyrovites”, u gruppi armati, milizzji u prokuri oħra ffinanzjati mir-Russja, fil-lista ta’ terroristi tal-UE.


Iżolament akbar tar-Russja u d-disa’ pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE

Il-Parlament jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tkompli tiżola lir-Russja internazzjonalment, inkluż fir-rigward tas-sħubija tar-Russja f’organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali bħall-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-MPE jixtiequ wkoll li jitnaqqsu r-rabtiet diplomatiċi mar-Russja, li l-kuntatti tal-UE mar-rappreżentanti uffiċjali Russi jinżammu għall-minimu assolut u li l-istituzzjonijiet Russi preżenti fl-UE, li huma affiljati mal-Istat u li jxerrdu l-propaganda madwar id-dinja jingħalqu u jiġu pprojbiti.

Fl-isfond tal-atti dejjem jikbru ta’ terrur tal-Kremlin kontra l-poplu Ukren, ir-riżoluzzjoni tappella wkoll lill-Istati Membri tal-UE biex ilestu malajr il-ħidma tagħhom dwar id-disa’ pakkett ta’ sanzjonijiet kontra Moska. Il-MPE jridu wkoll li l-pajjiżi tal-UE jipprevjenu, jinvestigaw u jieħdu azzjoni b’mod attiv kwalunkwe attentat biex ikunu evitati sanzjonijiet eżistenti u, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, jikkunsidraw miżuri possibbli kontra l-pajjiżi li jippruvaw jgħinu lir-Russja biex tevita l-miżuri restrittivi li diġà ġew implimentati. Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b’494 vot favur, 58 kontra u 44 astensjoni.

Għal aktar informazzjoni, iċċekkja l-aħħar informazzjoni mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew.