Il-Parlament Ewropew iħarrax il-ġlieda kontra sewqan perikoluż
Reati serji tat-traffiku, bħal veloċità eċċessiva jew sewqan meta tkun xurban, għandhom iwasslu għal skwalifiki tas-sewqan fl-UE kollha. Dan intqal f’diskussjoni dwar miżuri biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq. Bħalissa, jekk sewwieq jitlef il-liċenzja tiegħu wara reat tat-traffiku f’pajjiż tal-UE differenti minn dak li ħareġ il-liċenzja tiegħu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet is-sanzjoni tkun applikabbli biss fil-pajjiż fejn twettaq ir-reat, u ma tinvolvi l-ebda restrizzjoni fil-bqija. tal-UE.
Biex jiġi żgurat li s-sospensjoni, ir-restrizzjoni jew l-irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan ta’ persuni mhux residenti jiġu applikati fil-pajjiżi kollha tal-UE, ir-regoli l-ġodda jitolbu li din id-deċiżjoni tiġi mgħoddija lill-pajjiż tal-UE li ħareġ il-liċenzja tas-sewqan.
Reati perikolużi
Il-MPE jissuġġerixxu li anki min jinqabad isuq mingħajr liċenzja valida ikun klassifikat bħala reat gravi, bħal ma hu sewqan taħt l-effett tax-xorb jew inċident fatali tat-traffiku. Reati bħal dawn iwasslu għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-iskwalifika tas-sewqan. Sewqan b’veloċità ta’ 50 km fis-siegħa aktar mil-limitu huwa wkoll wieħed mill-offiżi gravi tat-traffiku li jistgħu jirriżultaw fl-iskwalifika tas-sewqan. Il-MPE stabbilixxew limitu ta’ veloċità aktar baxx għaż-żoni residenzjali, li jfisser li sewqan ’il fuq mil-limitu f’dawk it-toroq jista’ jirriżulta f’sewwieq li jitlef il-liċenzja jew li din tiġi sospiża.
Skedi taż-żmien
Il-Parlament jissuġġerixxi li jingħataw 10 ijiem ċans (working days) għall-pajjiżi tal-UE biex jinfurmaw lil xulxin dwar deċiżjonijiet dwar l-iskwalifika tas-sewwieqa u skadenza oħra ta’ 15-il jum tax-xogħol biex jiġi deċiż jekk skwalifika tas-sewqan għandhiex tapplika fl-UE kollha. Is-sewwieq ikkonċernat għandu jiġi infurmat b’deċiżjoni finali fi żmien sebat ijiem tax-xogħol.
Il-passi li jmiss
L-abbozz tar-regoli dwar l-effett madwar l-Unjoni Ewropea kollha ta’ ċerti skwalifiki tas-sewqan ġie adottat bi 372 vot kontra 220 u 43 astensjoni. Il-Parlament issa għalaq l-ewwel qari tiegħu u peress li l-Kunsill għadu ma adottax il-pożizzjoni tiegħu, il-Parlament il-ġdid li se jiġi elett f’Ġunju 2024 se jkompli l-ħidma fuq din il-liġi.
Sfond
Ir-regoli ta’ skwalifika tas-sewqan huma parti mill-pakkett tas-sikurezza fit-toroq ippreżentat mill-Kummissjoni f’Marzu 2023. Fih ukoll skambju ta’ informazzjoni dwar ir-regoli dwar ir-reati tat-traffiku li bħalissa qegħdin f’negozjati mal-Kunsill. Il-pakkett għandu l-għan li jtejjeb is-sikurezza għall-utenti kollha tat-triq u li jersaq qrib kemm jista’ jkun l-eliminazzjoni tal-imwiet fit-toroq sal-2050 (Viżjoni Żero).