Il-Parlament Ewropew witta t-triq għall-introduzzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ “riżorsi proprji”, sorsi ta’ dħul għall-baġit tal-UE. Bi 399 vot favur, 138 kontra u 61 astensjoni, il-Parlament għamel pass importanti lejn l-implimentazzjoni ta’ emenda għal-liġi li tirregola d-dħul tal-UE, l-hekk imsejħa “Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji” (ORD). Din l-emenda, ladarba adottata mill-Kunsill u ratifikata mill-istati membri kollha, se tintroduċi tliet sorsi ġodda ta’ dħul: dħul mill-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (ETS); ir-riżorsi ġġenerati mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-fruntieri tal-karbonju propost tal-UE (CBAM); u riżorsa proprja statistika temporanja bbażata fuq profitti korporattivi.

Ħlas lura tad-dejn dovut fuq il-pjan ta’ rkupru

Id-dħul mir-“Riżorsi Proprji” se jkun essenzjali biex jitħallas lura d-dejn taħt il-pjan ta’ rkupru tal-UE, speċjalment biż-żieda fir-rati tal-imgħax li jkollhom impatt qawwi fuq il-baġit tal-UE. Bid-dħul il-ġdid, il-baġit tal-UE jista’ jiġi ffinanzjat b’mod affidabbli fuq bażi fit-tul u jiffinanzja wkoll prijoritajiet ġodda filwaqt li jiġi evitat li jkollhom inaqqsu l-programmi u l-politiki eżistenti tal-UE, jgħidu l-MPE.

Prevenzjoni ta’ roħs esaġerat għal xi Stati Membri

Fl-isfond ta’ inflazzjoni għolja, ir-roħs f’daqqa għad-Danimarka, il-Ġermanja, l-Olanda, l-Awstrija u l-Isvezja, għall-perjodu 2020-2027, żdied b’mod mhux mistenni u sproporzjonat. Għalhekk il-MPE jitolbu li dawn is-somom f’daqqa jiġu aġġustati kull sena kif inhu l-baġit tal-UE, jiġifieri fuq il-bażi ta’ deflatur fiss ta’ 2% fis-sena.

Il-passi li jmiss

Issa li l-Parlament approva din l-opinjoni taħt il-proċedura ta’ konsultazzjoni, il-Kunsill tal-UE jrid japprova l-proposti unanimament. L-Istati Membri mbagħad iridu jirratifikaw kwalunkwe Deċiżjoni ġdida dwar ir-Riżorsi Proprji.

Sfond

Fl-2020, flimkien mal-baġit attwali tal-UE fit-tul (qafas finanzjarju multiannwali 2021-2027), l-istituzzjonijiet tal-UE qablu dwar pjan direzzjonali li jintroduċi sorsi ġodda ta’ dħul tal-UE. Fuq dik il-bażi, ir-riżorsa proprja tal-plastik, introdotta fl-2021, kienet l-ewwel sors ġdid ta’ dħul tal-UE mill-1988. Fi tmiem l-2021, il-Kummissjoni pproponiet tliet riżorsi proprji oħra, aġġornati f’Ġunju 2023, iżda li l-pajjiżi tal-UE għadhom ma implimentawhomx. Il-MPE ħeġġew lill-istati membri biex dan isir sal-elezzjonijiet tal-UE fl-2024.

Twieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini

Bil-pożizzjoni tiegħu, il-Parlament iwieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini mressqa fil-konklużjonijiet tal-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa, fil-proposta 16 dwar il-politiki fiskali.