Il-Parlament adotta l-proposti tiegħu biex isaħħaħ id-dimensjoni demokratika tal-elezzjonijiet tal-2024, u għas-sistema ta’ kandidati prinċipali.

Ir-rapport, li rċieva 365 voti favur, 178 kontra, u 71 astensjoni, jappella għal miżuri biex il-parteċipazzjoni tal-votanti matul l-elezzjonijiet tas-6–9 ta’ Ġunju 2024 tkun akbar minn dik irreġistrata fl-2019, li ċ-ċifri tagħha kienu diġà akbar minn dawk tal-elezzjonijiet ta’ qabilha. Il-Parlament qed jiffoka fuq il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-kampanji elettorali, fuq il-proċedura postelettorali għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss u l-ħatra tal-President tagħha, u qed jiffoka wkoll biex jiżgura li ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom.

L-għada tal-elezzjonijiet

Il-Membri tal-PE qed jitolbu rabta ċara u kredibbli bejn l-għażla tal-votanti u l-ħatra tal-President tal-Kummissjoni. Huma jgħidu li l-proċess għandu jiddependi fuq il-kisba ta’ maġġoranza fil-Parlament f’konformità mat-Trattat ta’ Liżbona, u li l-ftehimiet konfoffa fil-Kunsill Ewropew għandhom jieqfu. Il-Membri tal-PE jridu ftehim vinkolanti bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew biex jiżguraw li l-partiti politiċi Ewropej u l-gruppi parlamentari jibdew in-negozjati dwar kandidat komuni immedjatament wara l-elezzjonijiet u qabel ma l-Kunsill Ewropew jagħmel proposta.

Il-kandidat prnċipali tal-partit bl-aktar siġġijiet fil-Parlament għandu jmexxi l-proċess fl-ewwel ċiklu ta’ negozjati, bil-President tal-Parlament imexxi l-proċess jekk meħtieġ. Il-Membri tal-PE qed jistennew ukoll li jsir “ftehim ta’ leġiżlatura” bejn il-partiti u l-gruppi politiċi, bħala mod kif tinkiseb maġġoranza fil-Parlament, bħala bażi għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni, u bħala garanzija, għall-votanti Ewropej, ta’ segwitu koerenti għall-elezzjonijiet.


Inżidu l-parteċipazzjoni u s-salvagwardja tad-dritt tal-vot

Il-Parlament qed iħeġġeġ ukoll lill-Kunsill biex jadotta bla dewmien il-liġi elettorali Ewropea l-ġdida u r-regoli l-ġodda għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, biex tal-anqas dawn tal-aħħar ikunu applikabbli għall-kampanja tal-2024. Il-partiti politiċi, kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej, għandhom ifasslu l-kampanji tagħhom f’konformità mal-valuri tal-UE u b’aktar viżibbiltà tad-dimensjoni Ewropea tal-elezzjoni.

Biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw, l-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri għal aċċess aktar faċli għall-informazzjoni u għaċ-ċentri tal-votazzjoni għall-persuni b’diżabilità. Il-MPE jridu wkoll iħeġġu l-involviment ta’ ċittadini Ewropej minn kategoriji speċifiċi, bħal dawk li jgħixu fi Stat Membru tal-UE differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jew f’pajjiż terz u l-persuni mingħajr dar. Rakkomandazzjonijiet oħra għandhom l-għan li jipproteġu l-elezzjonijiet minn indħil barrani u intern permezz ta’ salvagwardji u miżuri aktar robusti kontra d-diżinformazzjoni. Il-MPE jilqgħu l-ftehim milħuq mill-koleġiżlaturi dwar ir-regoli dwar it-trasparenza u dwar l-immirar tar-reklamar politiku, u jirrikonoxxu r-rwol importanti tal-kampanja ta’ informazzjoni istituzzjonali tal-Parlament biex tikkontribwixxi għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ politika Ewropea u tikkomplementa l-kampanji tal-partiti.