Il-MEUSAC jippubblika r-rapport annwali għall-2019
Fl-2019, il-MEUSAC organizza 34 avveniment pubbliku u sessjonijiet ta’ konsultazzjoni kif ukoll 39 attività għat-tfal u l-istudenti biex iwessgħu l-għarfien tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea u biex is-soċjetà ċivili tkun involuta fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-NGOs, il-kunsilli lokali u entitajiet tal-Gvern kienu assistiti fil-proċess biex applikaw għal fondi tal-UE billi tellgħu ħames sessjonijiet dwar il-bini tal-kapaċità u 300 laqgħa personalizzata, li wasslu għas-sottomissjoni ta’ 95 applikazzjoni għal proġetti differenti finanzjati mill-UE.
Ir-rapport annwali tal-Aġenzija għall-2019 tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti mill-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela. Il-Ministru Abela nnota li x-xogħol tal-MEUSAC huwa pożittiv u effettiv għal dawk li jibbenefikaw mis-servizzi tiegħu, mal-NGOs u mal-imsieħba soċjali b’mod partikulari.
Ir-rapport annwali jagħti ħarsa lejn l-operat tal-MEUSAC biex iqarreb liċ-ċittadini mal-UE. Il-ħidma tvarja minn informazzjoni u avvenimenti, konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar il-policies u l-leġislazzjoni tal-UE kif ukoll għajnuna lill-NGOs, kunsilli lokali u entitajiet tal-Gvern biex jibbenefikaw minn fondi Ewropej. Ir-rapport ukoll jittratta x-xogħol taċ-Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct, ospitat minn MEUSAC u ko-finanzjat mill-Kummissjoni Ewropea biex jipprovdi tagħrif fuq l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-UE, kemm jekk huma drittijiet u obbligi taċ-ċittadini jew relatati mal-edukazzjoni.