Il-liġi tal-klima tal-UE: L-Ewro Parlamentari jridu jżidu l-mira fit-tnaqqis tal-emissjonijiet sa 60% sal-2030
Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru 2020, il-Kumitat dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà fl-Ikel addotta r-rapport dwar il-liġi tal-klima tal-UE b’46 vot favur, 18 kontra u 17-il astensjoni.
L-Ewro Parlamentari jappoġġjaw il-mira sħiħa tal-liġi tal-klima tal-UE biex iniżżlu l-mira tan-newtralità tal-klima sal-2050 fil-leġislazzjoni Ewropea imma fl-istess ħin, qed jitolbu mira iżjed ambizzjuż sal-2030. Qed jitolbu biex l-emissjonijiet jitnaqqsu b’60 fil-mija fl-2030 meta mqabbla mal-1990, minflok “mill-inqas 50 fil-mija għal 55 fil-mija”, hekk kif ipproponiet il-Kummissjoni. Iridu wkoll mira interim għall-2040 biex tkun proposta mill-Kummissjoni wara studju, biex ikun assigurat li l-UE tkun fid-direzzjoni t-tajba sabiex tilħaq it-tir tagħha sal-2050.
It-triq lejn in-newtralità tal-klima
L-Ewro Parlamentari talbu lill-Kummissjoni biex tipproponi sal-31 ta’ Mejju 2023 rotta fuq livell Ewropew dwar kif in-newtralità tal-karbonju trid tintlaħaq fl-2050 permezz tal-proċedura ordinarja fit-teħid tad-deċiżjoni. Il-ħidma se tkun riveduta wara kull analiżi fuq livell dinji.
L-Ewro Parlamentari wkoll qed jitolbu li l-Kummissjoni tivvaluta u tipproponi emendi lil-leġisalazzjoni Ewropea rilevanti kollha li tikkontribwixxi biex jitnaqqsu mill-ġdid l-emissjonijiet mill-gassijiet serra. Iridu wkoll li l-Kummissjoni toħroġ rapport kull sentejn fuq il-progress li jkun sar mill-UE u mill-istati membri lejn il-kisba tal-miri tal-klima. Korp independenti u xjentifiku wkoll għandu jinħoloq biex iħares il-progress.
L-UE u l-istati membri kollha jridu jiksbu l-għan sal-2050
Kuntrarjament għall-proposta tal-Kummissjoni, l-Ewro Parlamentari wkoll iridu li kemm l-UE u l-istati membri kollha individwalment isiru newtrali għall-klima sal-2050 u jsejħu għal finanzjar suffiċjenti mill-UE u mill-istati membri sabiex dan iseħħ. Barra minn hekk, l-Ewro Parlamentari qed jgħidu li l-UE u l-istati membri għandhom ikunu negattivi għall-klima wara l-2050, jiġifieri li jridu jeliminaw iżjed gassijiet serra milli joħorġu.
L-UE u l-istati membri wkoll iridu jeliminaw is-sussidji diretti u indiretti marbutin mal-fossil fuels sal-31 ta’ Diċembru 2025, filwaqt li jisħqu fuq il-ħtieġa li jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-faqar tal-enerġija.
Finalment, l-Ewro Parlamentari jinkludu artiklu ta’ verifika biex jassiguraw li l-liġi tal-klima tibqa’ miexja bi sforzi sabiex tkun limitata ż-żieda fit-temperatura sa 1.5 grad Celcius, skont il-Ftehim ta’ Pariġi.