Il-passiġġieri u l-industrija Ewropea tat-trasport qed jintlaqtu ħafna mit-tixrid tal-Coronavirus. Gvernijiet nazzjonali introduċew miżuri differenti, inkluż restrizzjonijiet tal-ivjaġġar, kontrolli tal-fruntieri u miżuri relatati mat-trasport. L-iskop ta’ dawn il-linji gwida hu biex jassigura lill-passiġġieri li drittijiethom huma protetti.

Bħala eżempju, fil-każ ta’ Malta, l-awtoritajiet issospendew it-titjiriet diretti kollha lejn u minn ċertu pajjiżi. Madankollu, mhux l-istati membri kollha qed jaddottaw l-istess miżuri.

Fl-isforzi tagħha biex tgħin ħalli tnaqqas l-effetti ekonomiċi tal-pandemija, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat sett ta’ linji gwida f’tentattiv biex tassigura li d-drittijiet tal-passiġġieri fl-Ewropa jkunu applikati b’mod ugwali madwar l-UE.

L-UE hi l-uniku zona fid-dinja fejn iċ-ċittadini huma protetti b’sett sħiħ ta’ drittijiet tal-passiġġieri, kemm jekk jivvjaġġaw bl-ajru, bil-ferrovija, bix-xarabank jew fuq xi bastiment. Minħabba s-sitwazzjoni bla preċedent li l-Ewropa qed tesperjenza kawża tal-Coronavirus, il-Kummissjoni Ewropea temmen li jkun ta’ għajnuna li wieħed jikkjarifika f’dan il-kuntest id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bl-ajru, b’ferrovija, b’xarabank u kowċ jew abbord vapur, kif ukoll l-obbligi ta’ min iħaddem il-mezz ta’ trasport.

Il-Kummissarju għat-Trasport Adina Vălean qalet: “Fid-dawl tal-kanċellazzjonijiet tal-massa u dewmien li qed jiffaċċjaw il-passiġġieri u l-operaturi tat-trasport minħabba l-pandemija, il-Kummissjoni trid li tipprovdi ċ-ċertezza legali dwar kif tapplika d-drittijiet tal-passiġġieri fl-Ewropa. F’każ ta’ kanċellazzjonijiet min jipprovdi t-trasport irid jagħti l-flus lura lill-passiġġieri jew jidderiġihom lejn rotta oħra. Jekk il-passiġġieri nnifishom jiddeċiedu biex jikkanċellaw il-vjaġġi tagħhom, l-għoti tal-flus lura mill-ħlas tal-biljett jiddependi fuq it-tip tiegħu, u l-kumpaniji jistgħu joffru kupuni għal użu sussegwenti.

Għal iżjed tagħrif dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fl-Ewropa, ibgħat email lil MEUSAC fuq info.meusac@gov.mt.