Il-Gvern irid ikompli jaġixxi biex jikkontrolla ż-żieda tal-każijiet
Malta qed tibda titħabat ma’ żieda fil-każijiet ta’ COVID-19. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika dan l-aħħar kienet qalet li ‘s-sitwazzjoni hija serja’ u wissiet li n-numru ta’ persuni li qed jingħataw il-kura fl-isptarijiet ukoll żdied.
Il-Gvern irid ikompli jaġixxi għax inkella n-numru ta’ persuni rikoverati fl-isptarijiet jiżdied, l-imwiet isegwu u t-tort jintefa’ fuqu talli m’għamilx biżżejjed biex jikkontrolla l-virus. L-ekonomija tibqa’ tieħu tisbita ‘l isfel u l-iskejjel ikollhom jaħdmu permezz ta’ tagħlim fuq l-internet.
Diversi passi huma neċessarji biex is-sitwazzjoni preżenti tkun ikkontrollata. Il-Gvern għandu jimpenja ruħu għal soppressjoni massima, billi jwaqqaf it-trasmissjoni fil-komunità u jżomm in-numru ta’ każijiet mill-inqas possibbli. Sabiex dan ikun appoġġjat, jeħtieġ li nkunu provduti b’messaġġi ċari u reali mill-Gvern fuq in-numru ta’ każijiet u testijiet li jiġu rappurtati kuljum kif ukoll fuq dawk il-każijiet li qed jinqalgħu minn postijiet sensittivi. Fuq kollox, neħtieġu t-trasparenza fuq id-data moħbija u nippretendu onesta serja mill-awtoritajiet dwar il-qagħda diffiċli li ninsabu fiha.
Xi wħud jissuġġerixxu li meta nħallu liż-żgħażagħ jiġu infettati nkunu qed ngħinu biex insaħħu l-immunità fil-popolazzjoni. Madankollu, iż-żgħażagħ ukoll jistgħu jimirdu serjament u jistgħu jgħaddu l-virus lill-anzjani u lil individwi vulnerabbli li jiġu f’kuntatt magħhom. Ilkoll għandna d-dmir kollettiv li nagħtu kas ta’ dawn il-persuni fil-komunità u nħeġġuhom ikunu apprezzati u appoġġjati billi huma jsegwu l-pariri mediċi u jibdlu l-attitudni jew l-imġieba tagħhom sabiex jevitaw sitwazzjonijiet ta’ riskju.
Nemmen li restrizzjonijiet ġodda għandhom jiġu introdotti u setturi li se jsofru b’riżultat ta’ dan għandhom jingħataw għajnuniet finanzjarji. Għal dawk li huma bla tama quddiem din il-pandemija, ix-xjenza qed tagħtina raġuni għal ottimiżmu kawt. Eventwalment, it-testijiet tal-massa jew vaċċin jistgħu jġibuna lura għal xi verżjoni iżjed normali tal-ħajja ta’ kuljum. Imma dawn iridu ż-żmien biex jimmaterjalizzaw. Fil-frattemp, il-Gvern irid jaġixxi bis-serjetà u jagħmel għażliet ibsin għall-ġid tal-popolazzjoni u tal-pajjiż.