Il-fatti kollha dwar l-inflazzjoni
Il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri dan l-aħħar kiteb artiklu bit-titlu ‘Getting facts about inflation right’. Dan kien maħsub biex jenfasizza l-iskema Stabbiltá tal-gvern, li biha kien hemm tnaqqis fil-prezz ta’ 15-il kategorija ta’ ikel minn ċerti ħwienet u supermarkets. Mhux l-intenzjoni ta’ dan l-editorjal li jidħol fil-merti ta’ din il-miżura. F’dan l-istadju jkun prematur li tasal għal xi konklużjonijiet peress li għadu kmieni.
Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ilha sors ta’ tħassib għal aktar minn tliet snin. Inizjalment, it-tort ingħata fuq il-problemi li kienu nħolqu bil-Covid-19 fil-ktajjen tal-provvista u sussegwentement il-gwerra fl-Ukrajna. Dan kien wassal lill-UHM Voice of the Workers biex tibda l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ tal-prezzijiet ta’ kull xahar minn Jannar 2022. Matul dawn is-sentejn il-prezz ta’ xirja tipika minn tliet supermarkets ewlenin żdied b’medja ta’ 18%. Probabbilment, iż-żieda kienet aktar evidenti fil-ħwienet iż-żgħar minħabba l-economies of scale. Barra minn hekk, fuq xi prodotti ż-żieda kienet qawwija ħafna bħal zokkor, ċanga, toilet paper, kafè, għaġin u prodotti tal-ħalib.
Sa ftit xhur ilu, il-gvern ma kienx jirrikonoxxi li l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel kienet ferm ogħla mill-bqija tal-ekonomija. Il-mantra kienet li kien qed jissussidja l-fjuwil, l-enerġija u ċ-ċereali u konsegwentement ma kienx hemm aktar xi jsir.
L-ikel huwa importanti għax hu neċessità bażika biex ngħixu u bla dubju l-akbar spiża ta’ familja bi dħul baxx. Tista’ tgħaddi mingħajr btala jew toħroġ tiekol, iżda ma tistax tgħaddi mingħajr il-ħtiġijiet bażiċi bħall-ikel. Din it-tendenza inkwetanti kienet, u għadha qed tnaqqar il-kwalità tal-ħajja tal-familji bi dħul medju u baxx.
Il-UHM ilha b’mod konsistenti tappella lill-gvern biex jieqaf jintaxxa l-COLA u l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali (bolla), biex isaħħaħ id-dħul tal-familji mingħajr ma jgħolli l-pagi. Wara kollox, il-prattika attwali hi ferm inġusta peress li tammonta għal tassazzjoni doppja. Sal-lum proposti bħal dawn ma ġewx aċċettati filwaqt li t-tħassib dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel donnu ma kienx qed jingħata wisq widen.
Sadanittant, iffaċċjat minn livelli rekord ta’ COLA li din is-sena laħqet €12.81, il-gvern għal xi raġuni ddeċieda li jibdel ir-rotta u jħabbar l-iskema ta’ Stabbiltà bil-għan li jtaffi ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel. Jekk dan hux se jkun suċċess jew le għad irid jiġi stabbilit. Madankollu, huwa pjuttost tal-għaġeb kif, f’daqqa waħda l-gvern qed jirrikonoxxi l-eżistenza tal-problema u saħansitra identifika xi kategoriji speċifiċi bħall-kafè. Skont il-ministru t-tnaqqis f’dawn il-prezzijiet ma sarx qabel, għax sas-sajf li għadda l-prezzijiet f’Malta kienu qed isegwu eżattament l-istess xejra bħal barra.
F’dan ir-rigward ma naqblux. Hemm evidenza biżżejjed li l-inflazzjoni fuq il-prezzijiet tal-ikel f’Malta kienet ilha ogħla minn barra għal diversi snin mhux biss fl-aħħar xhur. Għaliex huwa biss issa li l-gvern qed jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni jistħoqqilha attenzjoni? Għaliex huwa biss issa li qed isiru paraguni mal-prezzijiet f’pajjiżi ġirien bħall-Italja? Fuq liema bażi ntgħażlu ċertu kategoriji tal-ikel filwaqt li oħrajn ġew esklużi? Il-fatt li l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tinsab fil-futur għandu x’jaqsam maż-żmien ta’ din id-deċiżjoni?
Il-ministru kellu raġun jgħid li għandna bżonn inkunu infurmati sew dwar l-inflazzjoni, iżda jeħtieġ li nkunu nafu l-istampa kollha. Huwa għalhekk li l-mistoqsijiet imsemmija hawn fuq jeħtieġ li jiġu ċċarati. Li nkunu infurmati sew imur id f’id mal-ħtieġa li nkunu nafu l-fatti kollha.