Il-European Skills Agenda – twitti t-triq għal futur iżjed kompetittiv
Id-dinja għadha qed tirkupra minn perijodu bla preċedenti hekk kif il-pandemija COVID-19 affettwat ħajjitna ta’ kuljum b’diversi modi. Il-Kummissjoni Ewropea trid li tibdel tali sfidi f’opportunitajiet u tara transizzjonijiet ambjentali u diġitali bħala l-katalisti għall-ġejjieni tal-Ewropa. Il-European Skills Agenda tfasslet biex tassisti lill-ħaddiema bl-aħjar sett ta’ ħiliet ħalli dawn it-transizzjonijiet jinkisbu fl-iqsar żmien possibbli.
Il-European Skills Aġenda hija mmirata sabiex:
- Issaħħaħ il-kompetittività sostenibbli biex tgħin lill-Ewropa tikseb il-European Green Deal u tpoġġi l-istrateġiji diġitali u industrijali tagħha fil-prattika;
- Tassigura l-ugwaljanza soċjali kullimkien, u finalment jitpoġġa fil-prattika l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li huwa l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd;
- Tibni r-reżiljenza tal-kontinent biex tirreaġixxi għal kriżijiet tal-futur u tagħmel użu tajjeb tal-lezzjonijiet li ġew mgħallma mill-pandemija tal-COVID-19.
Sett ta’ ħiliet tajjeb huwa essenzjali għat-tkabbir tal-Ewropa u l-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-ħiliet diġitali huma essenzjali għax-xogħol, għall-istudju, għall-aċċess tal-affarijiet u s-servizzi, u biex nibqgħu f’kuntatt mal-maħbubin tagħna. Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini jeħtieġu li jkollhom l-aħjar opportunitajiet biex itejbu l-ħiliet tagħhom u allura, iżommu l-kumpaniji kompetittivi.