Il-EESC jisħaq dwar aktar konverġenza ekonomika
“Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u Ewropew (EESC) iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea sabiex tirdoppja l-isforzi tagħha lejn għaqda soċjali ikbar u konverġenza ekonomika madwar l-Unjoni”.
Din kienet waħda mir-rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet li ġew ippreżentati f’opinjoni mill-EESC u li r-rapporteur tagħha kien Dr. Philip von Brockdorff, ir-rappreżentant tal-UĦM Voice of the Workers fil-EESC.
Fl-opinjoni, intitolata Towards a stronger international role of the euro, Dr. von Brockdorff flimkien mal-co-rapporteur Dimitris Dimitriadis, jisħqu li r-rwol internazzjonali tal-ewro għadu ma rkuprax għal-livell ta’ qabel il-kriżi finanzjarja.
Huma jgħidu li l-għaqda soċjali, il-konverġenza ekonomika ‘l fuq u l-promozzjoni tal-kompetittivita’ u l-innovazzjoni, partikularment għall-intrapriżi żgħar u medji, għandhom ikunu l-bażi li fuqha l-ekonomija taz-zona ewro tagħmel passi ‘l quddiem u tappoġġja rwol internazzjonali aktar b’saħħtu għall-ewro.
Il-EESC jgħid li differenzi prinċipali bejn l-istati membri kif ukoll fi ħdan l-istati membri għadhom jeżistu u dawn id-differenzi jagħmluha ta’ xkiel biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ekonomiċi li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-UE b’mod sħiħ.
Il-EESC jappella għall-kawtela u jgħid li l-kisbiet teknoloġiċi li qed iseħħu bħal il-Fintech u d-diġitalizzazzjoni kif ukoll muniti internazzjonali oħrajn għal żmien fit-tul jistgħu joħolqu sistema bażata fuq aktar minn munita waħda.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jemmen li l-ewro għandha l-kapaċita’ li żżid l-istat internazzjonali tagħha. Fl-istess ħin, madankollu, il-EESC jissuġġerixxi li l-prijorita’ assoluta għaz-zona ewro trid tkun, l-ewwel u qabel kollox, li tirranġa s-sitwazzjoni interna filwaqt li takkwista l-integrita’ u l-prosperita’ billi ttejjeb il-mod kif tħares lejn it-tkabbir u ssaħħaħ is-sostenibbilta’ tal-finanzi pubbliċi. Dan il-proċess, li jeħtieġ fost oħrajn it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u tal-unjoni bankarja, għandu jkun il-prijorita’ fl-akkwist ta’ rwol internazzjonali iżjed b’saħħtu għall-ewro.
Il-kredibbilta’ tal-munita waħdanija Ewropea, li hi l-prerekwiżit biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-ewro, teħtieġ iżjed azzjoni lejn policies fiskali u ta’ tkabbir nazzjonali li jkunu sodi kif ukoll aktar sforzi lejn settur finanzjarju aħjar. F’dan il-kuntest, il-EESC ikompli jisħaq dwar ir-rilevanza fl-appoġġ lejn l-SMEs u biex tiżdied il-produttivita’ bħala mezz biex tissaħħaħ il-kompetittivita’ taz-zona ewro fi swieq internazzjonali.
Ir-rapporteurs ta’ din l-opinjoni jżidu li t-triq lejn rwol internazzjonali iżjed b’saħħtu tal-ewro tista’ b’xi mod tiġi faċilitata mill-Bank Ċentrali Ewropew, l-ewwel u qabel kollox, billi jwettaq il-mandat tiegħu għall-istabbilta’ tal-prezzijiet fiz-zona ewro. Madankollu, appoġġ mill-Bank Ċentrali Ewropew lejn policies makro-ekonomiċi kif ukoll Unjoni Monetarja Ekonomika u Unjoni ta’ Swieq Kapitali jipprovdu spinta oħra lejn it-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-ewro.
Fl-aħħar nett, il-EESC iħeġġeġ lill-istati membri sabiex jieħdu direzzjoni aktar unita fid-diplomazija internazzjonali. Din l-inizjattiva unita tista’ wkoll tissaħħaħ billi ssir ħidma iktar pro-attiva li tfittex li tippromwovi l-interessi tal-UE, speċjalment billi jkunu antiċipati inizjattivi strateġiċi u diplomatiċi miċ-Ċina u mill-Istati Uniti.